L-akwadott f’Ħ’Attard f’periklu li jintesa bl-iżvilupp t’4 vilel – FAA

L-għaqda mhux governattiva Flimkien għal Ambjent Aħjar uriet id-dispjaċir tagħha bil-kunsens tas-Supretendenza għall-Patrimonju Kulturali għall-iżvilupp ta’ 4 vilel mal-Akwadott ta’ Wignacourt f’Ħ’Attard.

Esperti tal-patrimonju wissew li dan se jagħmel ħsara lill-monument ta’ Grad1. L-applikazzjoni għall-iżvilupp ta’ 4 vilel tkopri ż-żona fejn hemm l-Akwadott ta’ Wignacourt tas-seklu 17 fuq naħa u ħajt storiku tas-seklu 19 fuq naħa oħra.

Skont l-istqarrija tal-FAA, dan l-iżvilupp ikun jeħtieġ li tinbena triq tul l-Akwadott għall-aċċess għal 2 mill-vilel proposti. It-triq ikollha tkun 2 metri ‘l fuq mil-livell tal-Akwadott, li jifni l-Akwadott, qalet l-għaqda.

Minkejja li s-Supretendenza għall-Patrimonju Kulturali qalet li m’għandhiex oġġezzjoni għal dan l-iżvilupp, esperti qalu li dan l-iżvilupp ikompli jwaqqa’ l-livell tal-Akwadott. L-FAA żiedet li b’dawn il-vilel u t-triq meħtieġa, l-Akwadott jindifen u jintesa.

L-FAA insistiet li l-Akwadott għandu jiġi konservat u protett, u mhux mormi u mkerrah viżwalment.

Il-Kummissjoni għall-Ippjanar għandha tiddeċiedi dwar dan l-iżvilupp nhar il-Ħamis.