L-aktar Siġra tal-Milied magħrufa fid-dinja

Mingħajr dubju li l-aktar Siġra tal-Milied magħrufa hija dik li titwaqqaf fir-Rockefeller Center fi New York li tintrama kull sena f’Manhattan. Is-siġra tittieħed f’postha u tiżżejjen sakemm tinxtegħel għall-ewwel darba f’Diċembru. Din is-sena nxtegħelet fl-4 ta’ Diċembru u tibqa’ f’postha sat-13 ta’ Jannar.

Is-Siġra tal-Milied għal din il-lokalità tasal dejjem mill-belt ċkejkna ta’ Florida fi New York wara vjaġġ ta’ jumejn. Din is-sena s-siġra tat-tip Norway spruce  hi għolja 23 metru (77pied) u tiżen 12-il tunnellata.  Meta nxtegħlet din is-sena bdew jixegħlu 50,000 lampi LED ta’ kull kulur.

Is-siġra kienet inżergħet fl-1959 minn Carol Schultz li dejjem emmnet li din finalment kellha tispiċċa fir-Rockefeller Center kif fil-fatt seħħ. F’intervista li tat ilmara semmiet li keinet tmur ħdejn is-siġra waqt li kienet tikber u tgħidilha, “Xi darba se tkun fir-Rockefeller Center u tkun siġra mill-isbaħ biex kulħadd jieħu pjaċir iħares lejk.”

Wara li jintefa’ d-dawl ta’ fuqha s-siġra tittieħed f’post fejn tintuża għall-injam mill-għaqda Habitat for Humanity li jintuża biex jinbnew djar fl-Istati Uniti, użanza li ilha għaddejja 13-il sena konsekuttiva.

Is-Siġra tal-Milied meta tqaċċtet minn postha biex tittieħed fir-Rockerfeller Center

Waqt li s-siġra tkun mixgħulha jsiru diversi spettakli taħtha li jiġbdu eluf ta’ turisti u Amerikani biex jarawha. L-ewwel darba li tpoġġiet is-Siġra tal-Milied f’dan il-post kien fl-1931.