L-aktar kotba ta’ suċċess li għamlu suċċess anki bħala films

Meta tisma’ li kieb għamel suċċess mhux bilfors ifisser li jekk isir film jagħmel l-istess suċċess. Imma f’xi każi, dan seħħ u kotba li nbiegħu f’miljuni kbar daħħlu biljuni ta’ dollari fil-box office taċ-ċinematografi.

The Hunger Games

It-tliet kotba fis-sensiela tal-Hunger Games kienu ppubblikati bejn l-2008 u l-2010 nbiegħu mat-28 miljun kopja u huma fost l-aktar kotba li nbiegħu ta’ kull żmien. Il-kotba nkitbu minn Suzanne Collins u jseħħu fil-pajjiż Panem fl-Amerika ta’ fuqu li jkun imqassam fi 12-il distrett. Minn kull distrett  joħorġu żewġ persuni li jikkompetu bejniethom fi ġlied għall-mewt sakemm tibqa’ persuna waħda biss ħajja. L-erba’ films daħħlu $2.97 biljun minn madwar id-dinja. L-attriċi prinċipali kienet Jennifer Lawrence bħala Katniss.

Harry Potter

Is-serje ta’ kotba miktuba minn J.K. Rowlings dwar Harry Potter laħħqu 400 miljun kopja fil-bejgħ madwar id-dinja. Is-seba’ kotba jimxu wara l-passi ta’ Harry, Hermione u Ron fil-ġlieda tagħhom kontra Lord Voldemort. It-tmien films li saru mill-kotba daħħlu $7.72 biljun. Iżda kien hemm uħud li baqgħu jsostnu li l-kotba kienu aħjar mill-films.

The Lord of the Rings

Il-kotba ta’ J.R.R. Tolkien tal-Lord of the Rings jibqgħu fost l-aktar kotba li qatt inbiegħu. Il-ktieb kellu jkun volum wieħed imma kien tant fih paġni li l-pubblikatur qasmu fi tliet kotba: The Fellowship of the Ring, The Two Towers u The Return of the King. L-ewwel volum ħareġ fl-1954 u l-kitba ta’ Tolkien hi rispettata qisha xi kitba sagra. L-istorja hi dwar Frodo Baggins fil-missjoni tiegħu biex jeqred ċurkett malinn. Peter Jackson għamel film fuq kull ktieb li tant għamlu suċċess li kien hemm bejgħ tal-biljetti li laħħqu t-$2.9 biljun madwar idd-inja u rebbħuh total ta’ 17-il Oscar, fosthom 11 għal The Return of the King.

Kotba oħra li għamlu suċċess ukoll bħala films jinkludu The Silence of the Lambs ta’ Thomas Harris; The Shining (Stephen King); Pride and Prejudice (Jane Austen); The Shawshank Redemption (Stephen King) u The Godfather (Mario Puzo).