“L-aktar ħaġa importanti hi li fil-Kostituzzjoni tibqa’ mħarsa l-libertà reliġjuża” – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li jekk ir-reliġjon Kattolika ma tibqax rikonoxxuta fil-Kostituzzjoni bħala r-reliġjon tal-poplu, mhux se jkun ġara xi ħaġa kbira għax il-Knisja se tibqa’ teżisti u l-poplu se jibqa’ jħaddan il-fidi tiegħu.
Waqt il-programm Follow-up fuq RTK 103FM, l-Arċisqof saħaq li l-aktar ħaġa importanti mhix jekk ir-reliġjon tkunx rikonoxxuta, iżda li l-Kostituzzjoni tħares il-libertà reliġjuża, jiġifieri li kulħadd ikollu dritt iħaddan ir-reliġjon tiegħu.
L-Arċisqof fakkar ukoll li skont l-istatistiċi, ħafna mill-Maltin jistgħu ma jmorrux quddies, iżda meta jiġu mistoqsija, 95% minnhom jirrikonoxxu lilhom infushom bħala Kattoliċi.
“Il-Knisja m’għandhiex privileġġi fuq knejjes oħra”
Huwa spjega li l-Kostituzzjoni, kif inhi bħalissa, ma tirrikonoxxix lill-istituzzjoni tal-Knisja, iżda r-reliġjon Kattolika. Dan ifisser li l-Knisja m’għandhiex privileġġi aktar minn knejjes oħra li jeżistu f’Malta.
Waqt li kompla jispjega, Mons. Scicluna fakkar li minkejja li fil-Kostituzzjoni r-reliġjon Kattolika hija rikonoxxuta bħala r-reliġjon tal-Maltin, dan ma waqqafx lill-Gvern milli jintroduċi liġijiet li ma jaqblux mat-tagħlim tal-Knisja.
Minkejja dan iddeskriva bħala kontradizzjoni li l-Istat ineħħi kull tip ta’ piena għal min jagħmel profanazzjoni jew jinsulta r-reliġjon tal-pajjiż.
L-Arċisqof spjega li ġaladarba r-reliġjon Kattolika hija rikonoxxuta mill-Kostituzzjoni, min jinsulentaha se jkun qisu qed jinsulenta l-bandiera nazzjonali jew inkella lill-President.
“Jien mhu se nagħmel l-ebda kruċjata”
Malta hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa (ħlief Monaco) li fil-Kostituzzjoni tiegħu jirrikonoxxi twemmin partikolari u kien għalhekk li l-Arċisqof saħaq li mhux se jiskanta jekk ikun hawn min jargumenta li f’Kostituzzjoni ġdida dan jinbidel.
“…nittama li ma jiġrix l-istess bl-abort”
Mons. Scicluna spjega li ħafna drabi jiġri li wieħed iqabbel lil Malta ma’ pajjiżi oħra imbagħad juża l-istess argumenti biex ibiddel xi liġijiet għax jingħad li dawn qegħdin f’Malta biss.
Fakkar li f’Malta hekk ġara fil-każ tad-divorzju iżda saħaq li jittama li ma jiġrix hekk f’każijiet oħra, bħalma huwa l-abort.
Kien hawn li l-Arċisqof saħaq li Malta tista’ tkun eżempju għal pajjiżi oħra, anke dawk Iżlamiċi, li jista’ jkollok demokrazija li ma tiċħadx għal kollox l-element reliġjuż.
“Barka li l-kurċifiss jibqa’ fl-ambjenti tal-istat”
Dwar il-preżenza tal-kurċifiss fl-ambjenti tal-istat, l-Arċisqof fakkar li dan huwa simbolu kulturali mhux biss personali, u kien għalhekk li jekk dan jibqa’ se jkun barka.
Minkejja dan insista li hu jirrispetta d-deċiżjonijiet tal-politiċi għax fi kliemu l-importanti mhux il-kliem tal-Kostituzzjoni iżda r-realtà ta’ kif jgħix il-poplu.
Segwi l-intervista sħiħa hawn.