“L-aktar Gvern ekonomikament kompetenti u soċjalment ġust” – Chris Cardona

Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona u l-Ministru Michael Farrugia saħqu li gvern Laburista mhux biss dawwar ir-rotta ekonomika ta’ pajjiżna imma għamel dan flok żied il-piżijiet fuq il-familji.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, Dr Cardona saħaq li dan il-gvern huwa l-aktar wieħed ekonomikament kompetenti u soċjalment ġust.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, Dr Cardona u Dr Farrugia tkellmu dwar kif Malta għall-ewwel darba f’35 sena qed iddaħħal aktar minn kemm toħroġ flus, jiġifieri għandha surplus ta’ €9 miljun fl-2016. Huma attribwew ir-riżultat għal żieda fil-konsum privat u l-investiment filwaqt li spjegaw kif ir-riżultati soċjali setgħu jinkisbu għax l-ekonomija qed trendi.
Dr Cardona stqarr li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil m’għandux idea tal-ekonomija u ma tistax tafdah bil-finanzi tal-pajjiż.
“Gvern Laburista naqqas in-nefqa fuq il-proġetti bin-nofs” – PN
Intant fi staqrrija bi tweġiba għal konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista saħaq li s-surplus li qed jiftaħar bih il-Prim Ministru Joseph Muscat ġie għax il-flus, flok marru għand in-nies u fi proġetti li jgawdu minnhom il-familji u n-negozji Maltin “marru għand il-klikka korrotta ta’ Kastilja.”
Il-PN spjega li kif qal Simon Busuttil, filwaqt li hu tajjeb li jiġi reġistrat surplus, meta wieħed jidħol fil-fond isib li s-surplus ġie għax il-Gvern naqqas in-nefqa kapitali fuq proġetti bin-nofs. Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li l-poplu mhux surplus ta’ propoganda qarrieqa jrid iżda surplus ta’ flus fil-but.