L-aktar film tal-Milied li għamel flus

The Grinch hu l-aktar film tal-Milied li għamel flus fl-istorja taċ-ċinema meta ħareġ fid-9 ta’ Novembru tas-sena l-oħra. il-baġit għalih kien ta’ $75 miljun imma mill-box office daħħal aktar minn 511.6 miljun. L-istorja tal-film hi bbażata fuq il-ktieb ta’ Dr Seuss, How the Grinch Stole Christmas.

Meta ħareġ fic-ċinema kellu kritika mħallta, bi kritiċi jfaħħru l-lat tal-animazzjoni u l-vuċi tal-attur Benedict Cumberbatch waqt li oħrajn semmew il-fatt li l-produzzjoni tal-film ma għarfitx tisfrutta l-ġrajja tal-ktieb u żżid magħha.

Għall-bidu l-film kellu jinħareġ fl-10 ta’ Novembru tal-2017 imma mbagħad intefa’ lura għax instab li kien jonqsu ħafna xogħol xi jsir fuqu biex jitlesta. Dan ma naqqas xejn mill-attenzjoni tal-pubbliku li nvada s-swali taċ-ċinema meta ħareġ fis-sena ta’ wara. Kollox ma’ kollox The Grinch kien id-disa’ l-aktar film li għamel flus is-sena li għaddiet.

Il-film tal-Milied ta’ qablu li kien l-aktar wieħed li daħħal flus kien Home Alone li kien ħareġ fl-1990. Fuq baġit ta’ $18 kellu dħul ta’ $476.7 miljun. Home Alone kien ingħoġob ħafna u kien sar ieħor għaċ-ċinema sentejn wara u b’żewġ sequels oħra li nħadmu apposta għal fuq it-TV.

Macualey Culkin, l-eroj fil-film Home Alone

Home Alone se jerġa’ jinħadem is-sena d-dieħla bl-ewwel xeni jinġibdu fil-Kanada. L-attur Archie Yates ta’ 10 snin se jaħdem il-parti prinċipali li fil-film oriġinali ħadimha Macualey Culkin.