L-aktar cruise liners li jħammġu għal Malta 122 darba – BirdLife

BirdLife Malta

Read in English.

Il-BirdLife Malta qalet li matul l-2019, Malta se tkun qed tilqa’ 122 żjara mill-aktar cruise liners li jħammġu fl-Ewropa.

Fi stqarrija, il-BirdLife qalet li n-Nature and Biodiversity Conservation Union (NABU) għamlet klassifika ta’ 90 bastiment tal-passiġġieri. Spjegat li matul l-2019, 21 minnhom se jorbtu jew diġà rabtu mal-moll fil-Port il-Kbir “b’ħafna minnhom jidħlu Malta diversi drabi matul is-sena”. Il-bastimenti ġew evalwati għall-impatt tal-emissjonijiet tagħhom, speċjalment il-kontribut tagħhom għal-livelli ta’ tniġġiż tal-arja.

“B’kollox, se jkunu saru 122 żjara fil-port minn cruise liners li fl-2019 ġew ikklassifikati fl-agħar kategorija għall-ħsara li jagħmlu lill-ambjent. Bastimenti li huma mgħammra b’teknoloġiji li jnaqqsu t-tniġġiż fl-arja kkawżat minn sistemi tal-exhaust se jidħlu biss 33 darba fil-Port il-Kbir.”

Il-BirdLife qalet li l-vapuri kollha jitħaddmu bil-fossil fuels li jipproduċu emissjonijiet kbar ta’ gassijiet serra.

L-għaqda qalet li hi u n-NABU (BirdLife Germany) ilhom minn Diċembru 2016 jikkollaboraw fi proġett konġunt – flimkien ma’ msieħba internazzjonali oħrajn – bħala parti minn kampanja biex titqajjem kuxjenza dwar it-tniġġiż tal-arja mill-cruise liners fil-Mediterran. L-għan fit-tul tal-proġett Together against Air Pollution from Ships huwa li tkun stabbilita Emission Control Area (ECA) fil-Baħar Mediterran.

Skont l-istatistika ta’ NABU, l-kumpanija Ġermaniża tal-cruise liners AIDA ġiet fl-ewwel post bl-aktar vapur nadiv l-AIDAnova. Il-parent group Taljan tal-AIDA Costa Crociere jinsab fuq l-istess livell bil-Costa Smeralda, vapur li jaħdem bl-LNG.

Aktar ’l isfel fil-klassifika tinstab il-flotta tal-kumpanija ġgant f’din l-industrija MSC li kull darba tikklassifika fl-agħar postijiet. Din is-sena vapuri ta’ din il-kumpanija se jidħlu 17-il darba fil-Port il-Kbir. Il-kumpanija Ġermaniża TUI Cruises niżlet fit-13-il post.

Il-Kap Eżekuttiv tan-NABU Leif Miller qal li l-bastimenti tal-cruises jista’ jkollhom biss futur jekk jużaw teknoloġiji nodfa bla emissjonijiet.

Il-Policy Officer ta’ BirdLife Malta Janina Laurent qalet li “f’Malta t-tniġġiż tal-arja huwa theddida prinċipali għas-saħħa tal-bniedem, għall-ambjent tagħna u għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin.”

Head of Climate Policy tan-NABU f’Hamburg Malte Siegert qal li “tnaqqis komprensiv fis-sustanzi li jniġġsu l-arja huwa teknoloġikament possibbli u anke vijabbli ekonomikament bi spiża li tammonta għal farka min-nefqa meħtieġa biex jinbena vapur ġdid. Huwa skandaluż li fiż-żminijiet tal-lum għadna naraw vapuri li jinbnew skont l-istandards ta’ għexieren ta’ snin ilu.”