L-aktar 10 affarijiet importanti biex iżżomm ruħek sigur mill-coronavirus

Coronavirus

Read in English.

Ħafna nies jistgħu jkunu jħossuhom inkwetati u mħassba dwar dak li għandhom jagħmlu biex jipproteġu lilhom infushom u l-qraba tagħhom mill-Covid-19.

Meta tkellmet ma’ newsbook.com.mt, l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Mediċina tas-Saħħa Pubblika issuġġeriet dawn l-10 pariri li ġejjin li jistgħu jgħinuna nżommu siguri:

1. Distanza soċjali – Din hija miżura kruċjali tas-saħħa pubblika biex tikkontrolla din l-imxija. Evita li tmur f’postijiet fejn tidħol f’kuntatt ma’ nies oħra. Din id-distanza soċjali tgħin biex jonqos it-tixrid tal-virus. Ipprova naqqas kemm jista’ jkun il-ħruġ tiegħek barra mid-dar ħlief biex tixtri l-bżonnijiet. Aħdem mid-dar jekk għandek din il-possibbiltà. Jekk biex tista’ l-bżonnijiet tiegħek teżisti faċilità li l-kunsinna tista’ titwassallek id-dar, agħmel dan biex tevita kuntatt ma’ barra. Jekk tħoss il-bżonn li tmur mixja, sib żona kwieta li fiha ma jkunx hemm kwatità ta’ nies.

2. Kuntatt ma’ persuni oħra: Meta tkun f’postijiet fejn hemm ħafna nies żomm distanza ta’ mqar metru. Evita kuntatt ma’ nies morda jew li jkollhom problemi respiratorji.

3. Naddaf: Aħsel idejk bis-sapun u bl-ilma għal mill-anqas 20 sekonda jew uża diżinfettant ibbażat fuq l-alkoħol kemm jista’ jkun speċjalment qabel ma tiekol, wara li tuża t-tojlit, meta tasal id-dar u wara li tmiss uċuħ li jintmessu b’mod komuni (speċjalment fi spazji pubbliċi).

4. Evita li tmiss l-għajnejn, l-imnieħer u l-ħalq speċjalment qabel taħsel idejk.

5: Meta tagħtas jew tisgħol uża tissue u armiha minnufih. Evita li tagħtas jew tisgħol f’idejk iżda jekk ikun inevitabbli li tagħmel dan, importanti li wara taħsel idejk minnufih.

6. Ibqa’ d-dar jekk qed tħossok ma tiflaħx, anki jekk is-sintomi jkunu ħfief.

7. Jekk inti qiegħed fi kwarantina, irrispetta r-regoli tal-kwarantina.

8. Jekk int anzjan jew persuna vulnerabbli, ibqa’ d-dar. Jekk għandek qraba anzjani jew persuni vulnerabbli, iżżurhomx. Minflok offrilhom appoġġ billi twasslilhom il-bżonnijiet mill-ħwienet jew tgħinhom jorganizzaw kunsinni.

9. Segwi l-istruzzjonijiet mill-awtoritajiet tas-Saħħa. Żomm ruħek aġġornat u irreferi għal sorsi ta’ informazzjoni li tista’ tafdahom. Evita li xxerred informazzjoni ħażina u ‘fake news’ li jservu biss biex jikkawżaw paniku u joħolqu aktar sfidi għas-servizzi tal-kura tas-saħħa.

10. Ħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħek peress li s-sitwazzjoni attwali tista’ tikkawża ansjetà jew dwejjaq. Kun konxju li l-appoġġ psikoloġiku huwa disponibbli għal dawk li għandhom bżonnhom permezz tal-111 li hija linja li permezz tagħha tista’ tikseb l-għajnuna.

Tista’ ssib aktar informazzjoni fuq il-websajt health.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook Covid19 Malta li hija mmexxija mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mediċina tas-Saħħa Pubblika.

Tista’ tiċċekkja wkoll il-Q&A fuq il-websajt taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard.

Jekk trid tkun l-ewwel waħda li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-App ta’ Newsbook minn hawn.

X’inhuma l-helplines tal-Gvern dwar il-coronavirus?

  • 111 – Għall-persuni li jħossu sintomi tal-COVID-19 jew jixtieq iktar informazzjoni;
  • 22042200 – Għar-residenti Maltin li nqabdu f’wieħed mill-pajjiżi ta’ riskju għoli u jridu jiġu lura Malta;
  • 21411411 – Għall-persuni fi kwarantina mandatorja li għandhom bżonn provvista ta’ ikel u mediċini.
  • 25981000 – Għal dawk li għandhom domandi dwar is-settur edukattiv u l-impatt tal-Coronavirus.
  • 21692447 – Għal lukandiera u turisti li għandhom domandi dwar il-miżuri mħabbra.
  • 25903030 – Helpline għall-anzjani ta’ ‘l fuq minn 60 sena għall-mediċini, ikliet lesti, jew prodotti tal-ikel bħal frott u ħaxix 

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn