L-akkużati qatt ma ssemmew minn Daphne; Min bagħathom?

It-tliet akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qatt ma ġew attakkati fil-kitbiet tal-ġurnalista.
Fil-blogg tagħha, qatt ma tfaċċaw l-ismijiet tal-akkużati: l-aħwa George Degiorgio (Iċ-Ċiniż) u Alfred Degiorgio (Il-Fulu); u Vince Muscat (Il-Koħħu).
Dawn it-tlieta kienu fost l-10 persuni li ġew arrestati lbieraħ f’operazzjoni intensiva mill-Pulizija, mill-Forzi Armati ta’ Malta u mis-Servizzi Sigrieti.
Huma qed jiġu akkużati li kienu parti minn grupp akbar li kien jiltaqa’ f’binja fl-inħawi magħrufa bħala Ras il-Ħanżir fil-Marsa sabiex jikkomplottaw il-qtil ta’ Caruana Galizia.
X’hemm aktar komuni bejn l-akkużati?
Każ komuni bejn it-tliet irġiel kien dak tal-2010, meta isimhom issemma fil-każ tal-attentat ta’ serqa mill-bank HSBC ta’ Ħal Qormi. Il-Koħħu kien tressaq il-Qorti dwar dan il-każ, imma minkejja li ssemmew, l-aħwa Degiorgio qatt ma tressqu.
Dan il-każ kien wassal ukoll biex l-Avukat David Gatt tkeċċa minn spettur tal-Pulizija fuq suspetti li kellu rabtiet mal-kriminalità. Huwa kien tressaq il-Qorti f'Diċembru 2010, iżda ġie illiberat mill-Qorti f'Jannar li għadda. 
Min hu George Degiorgio?
Iċ-Ċiniż, kif inhuma mlaqqam kiser difrejh mal-liġi aktar minn darba. Huwa kien akkużat b’pussess illegali ta’ armi, drogi u għodda oħra.
Min hu Alfred Degiorgio?
“Il-Fulu” kien wieħed mill-akkużati fil-każ tas-serqa li saret fis-sena 2000 minn vann tal-Group 4 f’Santa Venera, wara li nstabu l-marki tas-swaba’ tiegħu fuq il-flus misruqa. Il-parti l-kbira tal-flus instabu taħt saqqu f’binja fi Triq San Ġorġ f’Birżebbuġa.
F’Ottubru tal-2016, “Il-Fulu” u akkużat l-ieħor ma nstabux ħatja mill-Qorti f’dan il-każ.
Min hu Vince Muscat?
“Il-Koħħu”, ukoll magħruf sew mal-Pulizija, kien akkużat li kien parti mis-serqa li saret mill-HSBC ta’ Ħal Qormi fl-2010. Huwa kien ingħata l-ħelsien mill-arrest minkejja li kien akkużat li waqt is-serqa spara 30 tir lejn il-Pulizija. L-aħħar li ssemma Muscat kien fl-2014 meta mar fl-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida bi tliet tiri ġo għonqu u kien akkuża lil Jonathan Pace, ta’ Tyson Butcher, li spara t-tiri. Hu kien iddaħħal l-isptar fil-periklu tal-mewt. Jonathan Pace kien ingħata l-libertà proviżorja iżda nqatel aktar tard dik is-sena stess.
Il-mistoqsija fuq fomm ħafna
Uħud huma tal-fehma li la Caruana Galizia qatt ma attakkathom, ma kellhomx mottiv personali biex joqtluha. U għalhekk il-mistoqsija li għaliha s-sens ta' ġustizzja jitlob lill-istat Malti jwieġeb hi: Min qabbadhom?