L-akkużati bl-assassinju ta’ Daphne lura għall-Qorti

Ritratt: Jesmond Vassallo

Read in English.

It-tlett irġiel akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia mistennija lura l-Qorti wara digriet li awtorizza l-ġbir ta’ evidenza ġdida.

L-aħwa Alfred (il-Fulu) u George (iċ-Ċiniż) Degiorgio, flimkien ma’ Vince Muscat (il-Koħħu) jinsabu akkużati li poġġew u attivaw il-bomba li qatlet lil Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru tal-2017.

Il-Qorti Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Edwina Grima ddeċidiet li l-ġbir ta’ evidenza ġdida jsir quddiem il-Qorti Maġisterjali ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

Dan seħħ wara li l-Qorti tal-Appell bagħtet ir-rekords tal-każ lura lill-Qorti Kriminali nhar l-Erbgħa, biex jitressqu xhieda ġodda. Il-Qorti Kriminali ordnat li l-kontroeżami tas-sensar fl-assassinju Melvin Theuma għandu jkompli biex jiġi konkluż. Dan kien ġie pospost wara li f’Lulju li għadda Theuma allegatament ipprova jweġġa’ lilu nnifsu.

Barra minn hekk, ir-rekordings li huma relevanti għall-każ u li ġew skoperti tard, għandhom jiġu sottomessi fil-Qorti wkoll.

Il-Qorti għandha tirċievi wkoll kopja tal-maħfra presidenzjali li ngħata Theuma, kif ukoll it-traskrizzjonijiet tax-xhieda li ġew konklużi minn tliet esperti maħtura mill-Qorti.