“L-akkużati bil-qtil tal-messaġġier għaddew għalija qabel id-delitt”

Kompliet il-kumpilazzjoni ta’ James Vella u Christopher Scerri, li jinsabu akkużati bil-qtil tal-messaġġier tal-bank tal-BOV ta’ San Ġwann Alphonse Ferriggi, 14-il sena ilu.
Fil-Qorti, reġa’ xehed Joseph Zammit, li bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ iktar minn 30 sena priġunerija dwar l-istess qtil.
Zammit qal li dakinhar tal-inċident marru għalih iż-żewġ akkużati, flimkien ma’ Richard Grech, li nstab ħati bi qtil u weħel għomru l-ħabs, u ġiegħluh iwassalhom San Ġwann. Meta waslu, qalulu fejn għandu jistennihom u ġie diskuss dak li kellu jsir f’San Ġwann ħdejn il-bank.
Żied jgħid li wara mar id-dar u fuq l-aħbarijiet sema’ li kien sar hold-up li fih inqatel messaġġier li jaħdem il-bank.
Zammit, kien qed jixhed għat-tieni darba, qal lill-Ispettur Keith Arnaud, li qed imexxi l-Prosekuzzjoni, “għandek il-karti f’idejk, nammetti dak li għidt.”
Madanakollu, il-Maġistrat Josette Demicoli qalet li Joseph Zammit għandu jwieġeb għall-mistoqsijiet li qed isirulu u mhux iwieġeb b’dak il-mod. Għal dan Zammit wieġeb li “mhux se nixhed iktar.”