L-akkużati bil-qtil ta’ Mangion Walker b’akkużi dwar serqa fl-Armier

Żewġt irġiel li qed ikunu akkużati bi qtil Eleonor Mangion Walker tressqu l-qorti akkużati b’serqa fl-Armier f’April 2016.
Ir-raġel ta’ Eleonor flimkien ma’ Russu li jinsab mixli li għen biex jinħeba l-katavru tal-mara f’maħżen f’Ħal Qormi ġew akkużati li fil-lejl ta’ bejn is-27 u t-28 ta’ Lulju 2016 wettqu serqa bi vjolenza fuq żewġ persuni f’boathouse fi Triq l-Aċċjol, fil-bajja tal-Armier.
Huma qed ikunu akkużati wkoll li żammew żewġ persuni kontra l-volonta tagħhom u li kkaġunaw feriti gravi fuq wieħed mill-persuni, tant li kien għamel xi jiem fil-periklu tal-mewt u sofra diżabilità.
Il-Pulizija kienet sabet ir-raġel f’għadira demm u lir-Rumena marbuta ma’ siġġu.
Quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, iż-żewġt irġiel wieġbu mhux ħatja tal-akkużi. Peress li huma jinsabu taħt arrest preventiv b’rabta mal-qtil ta’ Eleanor Mangion Walker, l-avukati difensuri ma talbux għall-ħelsien mill-arrest.