Qtil Għawdex: “Tani daqqa ta’ ponn u nxteħet fuqi”

Dalgħodu kompla s-smigħ tal-każ ta’ raġel ta’ 67 sena minn Marsalforn, akkużat bil-qtil ta’ John Spiteri ta’ 54 sena u b’attentat ta’ qtil tat-tifel tiegħu.
L-akkużat għażel li jixhed quddiem il-Qorti, ippresedut mill-Imħallef Antonio Mizzi, u ta rakkont dettaljat ta’ dakinhar li seħħ l-argument fuq siġra.
Huwa spjega li fid-19 ta’ Ġunju, fl-2013, kien qiegħed iħares ‘il barra mit-tieqa tal-appartament tiegħu, u ra żewġt irġiel joħorġu minn trakk abjad biex jiżbru siġra u xi arbuxelli.
Meta mar biex ikellem liż-żewġt irġiel, it-tifel ta’ Spiteri qal lill-akkużat li xtaqu jwaqqgħu s-siġra biex jeħilsu mill-ġrieden li kienu qed jgħixu fiha, filwaqt li l-missier qallu li kellhom bżonn iktar spazju. Għalhekk, l-akkużat heddidhom li jekk ma jieqfux, iċempel lill-pulizija.   
Spiteri rrakkonta kif meta daħal fil-karozza tiegħu biex jitlaq minn fuq il-post u jevita l-ġlied, Spiteri tah daqqa ta’ ponn f’għonqu, u ntefa’ fuqu. It-tifel tal-vittma beda jipprova joħroġ lill-missieru mill-karozza imma iktar beda jgħaffeġ lill-akkużat, li kellu l-pedala fuq il-gass u ma setax jikkontrolla l-vettura.
Meta rnexxielu jħoll id Spiteri minn m’għonqu, l-akkużat qal li pprova jieħu lura l-kontroll tal-karozza iżda din spiċċa ħabtet fit-trakk taż-żewġ irġiel u baqgħet sejra dritt ġo siġra oħra.
L-akkużat kompla jgħid li wara waqa’ l-kwiet, u xhin irnexxielu joħroġ mill-karozza, xi ħadd tah daqqa ta’ ponn oħra f’rasu u ntilef minn sensih.
L-akkużat temm jgħid li m’għadux isuq, minħabba li jerġa’ jgħix din it-trawma kull darba li jħoss karozza tgħaddi minn fuq xi ħofra. 
Is-smigħ tal-każ mistenni jkompli fil-ġimgħat li ġejjin.