L-akkużat li spara fuq iċ-ċikonji jinħeles mill-arrest

Il-kaċċatur akkużat bi sparaturi fuq tliet ċikonji intlaqgħatlu t-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Qabel ma bdiet is-sessjoni fil-Qorti, il-Maġistrat iddikjarat li s-sieħeb tagħha huwa membru tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK. Staqsiet jekk hemmx xi oġġezzjoni iżda ma kienx hemm.

Il-Qorti semgħet kif l-akkużat, flimkien ma żewġt iħbieb tiegħu, kienu fl-għalqa tiegħu. Wieħed mill-ħbieb xehed li raw iċ-ċikonji, u li l-akkużat sparixxa. Imbagħad spjega li semgħu tliet sparaturi, u raw lill-akkużat miexi lejhom, jgħidilhom li spara fuq xi għasafar u li għandhom imorru lura d-dar. Ftit tal-ħin wara, l-akkużat ċempel lill-sieħbu jgħidlu “għamilt żball kbir.”

Però, iż-żewġt iħbieb tal-akkużat qalu li ma raw l-ebda ċikonji mejta. Madankollu, ċiklist li kien għaddej dakinhar xehed li ra għasafar kbar u li waqaf biex jieħu r-ritratti. Qabel ma rnexxielu jagħmel dan, wieħed mill-għasafar tar. Iċ-ċiklist sema sparaturi, u ra għasafar neżlin. Hekk kif dar ir-rokkna, huwa ra raġel jiġri b’senter f’id waħda, u għasfur fl-oħra. Peress li kellu kamera imqabbda mar-rota, huwa ta l-filmat lill-Pulizija.

Il-Qorti Grima laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €7,000. Dan peress li kull min kellu jixhed xehed. Barra minn hekk, l-akkużat jrid jiffirma fl-għassa tar-Rabat kull ġimgħa, ma jkellimx xhieda u ma jersaqx f’postijiet fejn tiġi pprattikata l-kaċċa. Il-każ se jitkompla f’Settembru.