L-akkużat li għen biex jinħeba l-ġisem ta’ Mangion Walker ilu 3 xhur arrestat mingħajr smigħ

Ir-raġel akkużat li għen biex inħeba l-ġisem ta’ Eleonor Mangion Walker, il-mara misjuba mejta f’Ħal Qormi sena ilum, qed jitlob il-ħelsien mill-arrest għax ilu tliet xhur arrestat mingħajr ma tressaq il-Qorti.
L-avukat tal-akkużat, Giannella de Marco, insistit li mit-28 ta’ Marzu ma kien hemm l-ebda smigħ fil-Qorti u minkejja dan, l-akkużat baqa’ jinżamm arrestat.
Id-difiża spjegat kif meta akkużat jinżamm arrestat, għandu jitressaq il-Qorti kull ġimgħatejn u għandu jinżamm arrestat biss jekk ikun hemm ġustifikazzjoni ċara biex dan jibqa’ jinżamm il-ħabs.
Ir-raġel qed ikun akkużat li għen lil Andrew Mangion, akkużat bil-qtil tal-mara tiegħu, biex jaħbi l-katavru ġo maħżen f’Ħal Qormi, fit-2 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet.
Din ma kinitx l-ewwel darba li d-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest u kull darba r-risposta kienet l-istess waħda, jiġifieri li se jibqa’ jinżamm arrestat minħabba r-raġunijiet imsemmija mill-Avukat Ġenerali.
L-Avukat Generali kien saħaq li l-akkużat ma għandux jingħata l-ħelsien mill-arrest għax ma hemmx ċertezza dwar l-identità tar-raġel għax dan kellu karta tal-identità Slovena u passaport mill-Uzbekistan bl-isem Adhamjon Niyazov.
De Marco iżda saħqet li l-prosekuzzjoni taf sewwa x’inhi l-identità tal-akkużat.
De Marco rreferiet għal deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li fi kliemha wkoll jaqblu li persuna li tinżamm arretata għal żmien twil mingħajr smigħ għandha tingħata l-ħelsien mill-arrest, sakemm ma jkunx hemm ġustifikazzjoni.
Dwar id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenrali l-persuna qed tinżamm arrestata fl-aħjar interess tal-pubbliku, id-difiża ddeskrivit din ir-raġuni bħala “redikola” u kkritikat il-fatt li l-Avukat Ġenerali ma semma mkien li r-raġel ilu ma jitressaq il-Qorti għal 3 xhur u 15-il ġurnata.
Innutat ukoll li l-Avukat Ġenerali ma għamel l-ebda referenza għall-fatt li l-akkużat ilu jgħix Malta 8 xhur, għandu mara u tfal u u anke ħadem Malta għal sena.
Is-smigħ li jmiss se jsir nhar it-Tnejn 21 ta’ Awwissu.
Id-deċiżjoni dwar it-talba tad-difiża se ssir qabel iżda sa issa ma ngħatat l-ebda data.