L-akkużat fil-komplott tal-isplussiv jinstab li ffirma falz

Miguela Xuereb

Espert tal-kitba ddikjara li raġel uża firma falza ta’ missieru fuq kuntratt li ġie ppreżentat fil-Qorti.

Dalgħodu fil-Qorti kompla jinstema’ l-każ tar-raġel Malti ta’ 34 sena minn Ħaż-Żebbuġ akkużat li prova jimporta splussiv bħala parti minn komplott ta’ qtil iżda issa jidher li l-prosekuturi jistgħu jakkużawh ukoll b’iffirmar falz.

L-espert tal-Qorti kien tqabbad wara li kien hemm xhieda fil-każ li qalu li l-missier kien fix-showroom involuta fil-każ.

Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech l-espert qal li studja kemm il-firma tar-rġel akkużat kif ukoll ta’ missieru fejn ħareġ li l-firma ma kinitx taqbel ma’ dik tal-missier iżda ma’ dik tal-iben. Fil-Qorti l-espert spjega li huwa kien studja wkoll il-kitba tal-akkużat ppreżentata fid-dikjarazzjoni li fiha rriffjuat l-avukat waqt l-interrogatorju mad-dokument tal-kuntratt u stqarr li l-firma kellha karatteristiċi li jaqblu.

Huwa kkonkluda li l-firma għaldaqstant mhix tal-missier iżda ta’ ibnu li huwa akkużat fil-każ tal-importazzjoni tal-isplussivi. Il-każ ikompli f’Lulju.