L-akkużat bil-qtil ta’ Kuciak u Kušnírová kellu rabta ma’ Malta

Ir-raġel li se jkun qed jitressaq il-Qorti sabiex jiġi akkużat bil-qtil tal-ġurnalist Slovakk Ján Kuciak u t-tfajla tiegħu Martina Kušnírová kellu rabtiet ma’ Malta fil-passat.

Skont Slovak Spectator, l-intrapreditur Marian Kočner, li jidher fuq dik li hija magħrufa bħala l-lista tal-mafja, se jkun qed jiġi akkużat li kien il-mandant tal-qtil ta’ Kuciak u t-tfajla tiegħu, li nqatlu permezz ta’ tiri f’darhom f’Veľká Mača fil-21 ta’ Frar tal-2018.

Lura fl-2012, MaltaToday kien irrapporta li €4 miljuni kienu ġew trasferiti minn bank mhux magħruf f’Malta lil Kočner. Intant, is-servizzi sigrieti tal-Islovakkja kixfu laqgħat bejn bankiera, negozjanti u politiċi. Il-ħlas kien seħħ fis-7 ta’ Diċembru tal-2011. Skont ir-Reġistru tal-Kumpaniji, Kočner kien ukoll direttur ta’ kumpanija reġistrata Malta, magħrufa bħala International Investment Holdings Ltd. Din il-kumpanija kienet infetħet f’Mejju tal-2010, iżda kienet tneħħiet mir-Reġistru tal-Kumpaniji fl-2017.

Il-qtil doppju kien ixxokkja s-Slovakkja tant li wassal għar-riżenja tal-Prim Ministru Robert Fico u l-kabinett tiegħu. Min-naħa tiegħu Kuciak kien issottometta mozzjoni kriminali kontra Kočner talli kien heddu f’Settembru tal-2017.

Erba’ persuni oħrajn diġà tressqu akkużati b’konnessjoni mal-assassinju, inkluż eks-uffiċjal tal-Pulizija li allegatament kien hu li spara t-tiri fuq il-koppja, eks-suldat li kien qed iservi bħala xufier u mara li serviet bħala intermedjarja li allegatament ħallset madwar €70,000 għall-assassinju.