“L-akkomodazzjoni soċjali mhix soluzzjoni għall-prezz tal-kera” – Kummissjoni Ġustizzja u Paċi

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi ħeġġet lill-Gvern biex jieħu azzjoni immedjata biex jindirizza l-problema tal-prezzijiet tal-kera u saħqet li din mhux se tissolva billi jiżdiedu l-akkomodazzjonijiet soċjali.
Fi stqarrija fil-Jum Dinji tal-Abitat, il-Kummissjoni qalet li akkomodazzjoni affordabbli hija dritt universali tal-bniedem, biex jgħix ħajja li hija totalment umana.
Il-Kummissjoni wriet it-tħassib tagħha għall-fatt li fl-aħħar sentejn żdiedu dawk bla saqaf fuq rashom u li qed jaffaċċjaw il-faqar u l-insigurtà għax ma setgħux ilaħħqu iżjed mal-prezz tal-kera.
“Saret kważi impossibbli biex persuna tgħix bil-paga minima”
L-istqarrija tisħaq li saret impossibbli biex persuna li tgħix bil-paga minima, jiġifieri inqas minn €750 fix-xahar, issib akkomodazzjoni diċenti, aktar u aktar jekk għandha l-familja tiddependi fuqha.
Il-Knisja temmen li mhux biżżejjed li persuna jkollha saqaf fuq rasha, iżda d-dar li fiha tgħix għandha tippermettilha tkun indipendenti, tistabbilixxi l-identità tal-persuna u r-relazzjoni tagħha mal-oħrajn.
“Umiljanti li hawn persuni ma jistgħux jgħixu indipendenti”
Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi saħqet li huwa “umiljanti” li hawn persuni li ma jistgħux jgħixu indipendentament, anke jekk għandhom impjieg full-time.
Kien hawn li talbet lill-Gvern biex jindirizza din il-problema mill-għeruq tagħha.
Filwaqt li faħħret l-akkomodazzjoni soċjali u l-kenn mogħti mill-Knisja u entitajiet oħra, insistiet li huwa inaċċettabbli li hawn persuni li jkollhom jiddependu minn ħaddieħor għal snin twal.
Dwar l-akkomodazzjoni soċjali, il-Kummissjoni saħqet li din mhix l-unika soluzzjoni, aktar u aktar meta iżjed bini se jżid l-istigma, il-kostruzzjoni fuq art verġni u trasformazzjoni mhux naturali tal-komunità.
“Il-ħaddiem għandu jingħata paga suffiċjenti”           
Tkellmet ukoll dwar il-pagi u qalet li hemm bżonn tittieħed azzjoni biex il-ħaddiem jingħata paga suffiċjenti biex ikun jista’ jgħix ħajja dinjituża u biex dawk fuq il-benefiċċji soċjali jkunu jistgħu jixtru l-bżonnijiet bażiċi tagħhom, fosthom l-akkomodazzjoni.
“Il-Gvern għandu juża l-ġid iġġenerat għall-ġid ta’ kulħadd u mhux tal-ftit”
“It-tisħiħ tal-ekonomija ma jistax ikun imkejjel biss mill-ġid iġġenerat u li minnu jgawdu l-ftit,” qalet il-Kummissjoni. “Pajjiż li jissagrifika d-drittijiet u l-benesseri tal-individwi fuq l-artal tal-profitt, mhuwiex sinjur, anke jekk l-ekonomija sejra tajjeb.”
Temmet tappella lill-Gvern biex juża l-profitt iġġenerat bħala sors ta’ soluzzjonijiet għall-ġid ta’ kulħadd, partikolarment dawk vulnerabbli.

Ritratt: Ian Noel Pace