L-Akkademja tal-Malti sodisfatta bl-addozzjoni tat-tipa Maltija fl-Insinwa

karattri Maltin tastiera keyboard

L-Akkademja tal-Malti wriet sodisfazzjon li wara ħafna talbiet tagħha u tal-pubbliku, issa l-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku addotta sistema li tħaddan it-tipa Maltija, u b’hekk, issa huwa possibbli li t-trabi jissemmew ismijiet Maltin bl-użu ta’ karattri Maltin.

Fi stqarrija, l-Akkademja ferħet lis-Segretarju Parlamentari Alex Muscat talli wettaq din it-talba ta’ bosta.

L-Akkademja fakkret li l-alfabett uffiċjali tal-Malti ġie rikonoxxut mill-Gvern Malti 86 sena ilu u kull entità, governattiva jew le, hija mistennija li tħaddnu u tħaddmu fis-sistemi tagħha.

Il-ġimgħa li għaddiet, issemmiet l-ewwel tarbija b’isem Malti bl-użu tal-karattri Maltin. It-tarbija ssemmiet Ġanni.

L-emendi legali li seħħew għandhom jippermettu lil dawk kollha li għandhom isem Malti li mhuwiex reġistrat bl-użu tal-alfabett Malti biex jagħmlu talba quddiem id-Direttur tar-Reġistru Pubbliku u ssir il-korrezzjoni mingħajr bżonn ta’ rikors fil-qorti. Dan is-servizz se jsir bla ħlas u dawk il-persuni li se jagħmlu din it-tip ta’ korrezzjoni se jinħarġilhom passaport bl-istess data tal-iskadenza kif ukoll karta tal-identità ġdida mingħajr l-ebda ħlas.

F’Novembru, is-Segretarju Parlamentari Muscat kien ikkonferma ma’ Newsbook.com.mt li l-karattri Maltin se jkunu jistgħu jibdew jintużaw fl-ismijiet minn din is-sena.

Kien f’Ottubru lil-Akkademja tal-Malti bagħtet tfakkira lis-Segretarju Parlamentari Alex Muscat dwar din il-kwistjoni. Din kienet it-tieni darba li l-Akkademja għamlitlu dan l-appell din is-sena, peress li f’Mejju li għadda, hi appellat lil Muscat, li huwa responsabbli mir-Reġistru Pubbliku, sabiex jieħu passi biex l-Uffiċċju jaddotta sistema li biha, ikunu jistgħu jintużaw il-karattri Maltin fl-ismijiet.

F’April, il-kwistjoni ġiet diskussa fil-Parlament mid-Deputat Ryan Callus, li ġibed l-attenzjoni tal-Kamra dwar dan wara li ra kitba fuq Facebook ta’ omm li ma tħallietx issemmi lil binha Ġorġ minħabba din is-sistema. Binha minflok jismu Gorg.