L-Akkademja tal-Malti bi ktieb fuq is-sessiżmu fil-lingwa

sessiżmu lingwa
Klabb Kotba Maltin

Il-ġens ‘newtrali’ fil-Malti huwa l-maskil, għaliex il-ġens femminil fil-grammatika jissejjes fuqu, pereżempju billi jiżdied is-suffiss “-a” ma’ aġġettiv maskil biex dan isir femminil: “sabiħ”-“sabiħa,” “kbir”-“kbira” u l-bqija. Fil-Malti, il-professjonijiet ġeneralment għandhom nom maskil li jintuża għan-nisa li jokkupaw dawk il-karigi wkoll, ngħidu aħna “Ministru,” “President,” “avukat” (minkejja li għandna kliem bħal “avukata” u “avukatessa,” li, iżda, mhux kulħadd jaqbel mal-użu tagħhom).

Allura dan sessiżmu?

L-Akkademja tal-Malti tispjega li s-sessiżmu fil-lingwa huwa l-użu ta’ kliem u espressjonijiet li jiddiskriminaw kontra xi sess partikolari u li jinkoraġġixxu xbihat sterjotipati tal-irġiel u tan-nisa. Lingwa sessista tesprimi inklinazzjonijiet u preġudizzji favur xi sess partikolari, x’aktarx ir-raġel, u tikkonsidra lis-sess l-ieħor inferjuri, wisq probabbli kawża tal-imġiba sessista fis-soċjetà li għal ħafna żmien qieset lill-mara bħala s-sess id-dgħajjef. Għal sekli sħaħ, il-mara kellha tgħix fid-dell tar-raġel, imċaħħda mill-aktar drittijiet fundamentali u tqieset bħala oġġett, bħala dik li mhix kapaċi taħseb, mhix kapaċi tieħu deċiżjoni weħidha, u bla ma tista’ lanqas biss toħlom li jkollha l-ambizzjonijiet tagħha biex ittejjeb l-istatus tagħha.

Din is-sitwazzjoni nbidlet u f’dawn l-aħħar snin iktar nisa bdew jidħlu fid-dinja tax-xogħol u f’oqsma oħra li qabel kienu ddominati mill-irġiel. Illum bosta nisa għandhom pożizzjonijiet għolja li qabel kienu assoċjati biss mal-irġiel. Imma l-lingwa bħal donnha mhux dejjem tirrifletti din il-bidla fis-soċjetà.

Madwar tliet snin ilu, l-Akkademja tal-Malti organizzat seminar sewwasew dwar dan is-suġġett u minn dan is-seminar twieldet il-pubblikazzjoni li ħarġet riċentement: “Is-Sessiżmu fil-Lingwa Maltija.” Dan il-ktieb jiġbor fih is-seba’ preżentazzjonijiet li saru matul is-seminar u li jittrattaw it-tema minn perspettivi differenti. Dawn kienu:

  • Id-differenza bejn is-sess, il-ġeneru u l-ġens grammatikali
  • Il-kunċett tal-ġeneru mil-lat soċjali u lingwistiku
  • Il-mekkaniżmi li għandha l-lingwa Maltija biex tiddistingwi bejn il-maskil u l-femminil
  • X’forma lingwistika nużaw biex nirreferu għall-mara f’ċerti karigi, impjiegi jew professjonijiet
  • L-użu tal-maskil ġeneriku; id-deskrizzjoni tal-mara fil-qwiel Maltin
  • Kif għandu jinkiteb rapport mingħajr preġudizzji sessisti
  • Is-sessiżmu fil-lingwaġġ ġurnalistiku.

Il-ktieb għandu jservi ta’ bażi għal aktar diskussjonijiet bejn il-partijiet kollha interessati f’dan is-suġġett bil-ħsieb li jitfasslu linji gwida ċari u uffiċjali li jwasslu biex jinħoloq lingwaġġ mhux diskriminatorju li jirrifletti rappreżentazzjoni aktar ġusta tal-irġiel u tan-nisa fis-soċjetà Maltija.

sessiżmu lingwa

L-editur ta’ dan il-ktieb kien l-akkademiku Dr George Farrugia, li rriċerka dan is-suġġett fl-istudji tiegħu. Il-pubblikazzjoni hija tal-Akkademja tal-Malti, u l-ktieb jista’ jinxtara mingħand il-Klabb Kotba Maltin jew mill-ħwienet ewlenin tal-kotba.

Is-seminar ta’ tliet snin ilu
Il-lingwa Maltija sessista?