L-Akkademja tal-Malti b’appell lil Muscat biex l-Insinwa tuża l-karattri Maltin

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti

L-Akkademja tal-Malti appellat lis-Segretarju Parlamentari Alex Muscat, li huwa responsabbli mir-Reġistru Pubbliku, sabiex jieħu passi biex l-Uffiċċju jaddotta sistema li biha, ikunu jistgħu jintużaw l-karattri Maltin fl-ismijiet.

Dan wara li din il-ġimgħa, il-kwistjoni tqajmet fil-Parlament mid-Deputat Ryan Callus, li ġibed l-attenzjoni tal-Kamra dwar dan wara li ra kitba fuq Facebook ta’ omm li ma tħallietx issemmi lil binha Ġorġ minħabba din is-sistema. Binha se jkollu jkun jismu Gorg.

Callus sejjaħ din il-kwistjoni waħda tal-mistħija, speċjalment peress li suppost is-sistema kellha tiġi aġġornata sal-2017.

Ir-Reġistru Pubbliku kellu jdaħħal is-sistema tal-karattri Maltin sal-2017, iżda dan baqa’ ma sarx. Is-sistema kompjuterizzata li tintuża mir-Reġistru Pubbliku ilha fis-seħħ mill-1993 u tul dawn is-snin, bosta ġenituri kienu qed isibuha diffiċli biex jiktbu kif jixtiequ isem il-wild tagħhom. Din is-sistema ma taċċettax ċerti ittri fosthom dawk bil-Malti bħaċ-ċ, ġ, ħ u ż.

L-Akkademja tal-Malti fissret li din ma kinitx l-ewwel darba li sar dan l-ilment. Hija fakkret li l-alfabett uffiċjali tal-Malti ġie rikonoxxut mill-Gvern 86 sena ilu. Għaldaqstant, appellat li s-sitwazzjoni tissolva għall-ġid tal-ġenituri u f’ġieħ l-ilsien nazzjonali.