L-akkademiċi jgħidu li s-sitwazzjoni politika mhix tenibbli

Read in English.

Il-kwalitajiet tat-tmexxija u tal-governanza tajba reġgħu ddominaw il-ġurnali u l-konverżazzjonijiet din il-ġimgħa. Wara l-protesti li ħakmu l-pajjiż f’Novembru tal-2019, u mbagħad il-perjodu inċert tal-pandemija tal-Covid-19, l-iskandlu wara ieħor li jitfaċċa fuq in-naħa tal-Gvern donnu qed jiġi bilanċjat bid-diżgwid fi ħdan l-Oppożizzjoni.

Diversi esperti qasmu l-fehmiet tagħhom dwar dan ma’ Newsbook.com.mt.

Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà Prof. Andrew Azzopardi, il-lecturers fil-Fakultà tal-Ekonomija Dr Stephanie Fabri u Dr George Vital Zammit ilkoll qablu fuq ħaġa waħda – li xejn ma jista’ jirbaħ l-importanza tat-tmexxija u ta’ governanza tajba. Qablu li dan huwa iżjed importanti fi żminijiet ta’ sfida bħalma kienet l-esperjenza tal-Covid-19. Bi tmexxija b’saħħitha u bl-isforzi kordinati li saru minn ishma differenti, Malta rnexxielha tiġġieled din l-isfida ta’ saħħa pubblika.  

Kwistjoni aktar fonda milli naħsbu”

Prof. Andrew Azzopardi ddeskriva d-doża ta’ kuljum ta’ rappurtaġġ mill-qorti u r-riżultati tal-ġurnaliżmu investigattiv bħala waħda xokkanti. Osserva illi hemm ċans raġonevoli li din il-kwistjoni hija aktar fonda milli nistgħu nimmaġinaw. Prof. Azzopardi semma kif mill-istituzzjoni staġnati bin-nuqqas t’azzjoni, b’sistema politika li hi viċina wisq tas-settur tan-negozju, u anke wara li ċerti fatti ġew żvelati, huwa ċar li s-sistema politika hija marida. Fi żmien ta’ tbegħid soċjali, Prof. Azzopardi rrakkomanda li jkun hemm tbegħid ta’ xort’oħra, tbegħid mill-passjonijiet li jżommu lin-nies milli jaraw l-istampa kollha u milli jifhmu minn fejn oriġinat is-sitwazzjoni preżenti. Huwa staqsa jekk din is-sitwazzjoni kinitx riżultat ta’ aġir apatetiku lejn il-governanza mniġġsa bir-regħba u l-egoiżmu.

“Il-politiċi għandhom dover lejn iċ-ċittadini”

Dr Stephanie Fabri esprimiet l-opinjoni li l-korruzzjoni m’għandhiex tiġi tollerata. Qalet li l-partiti politiċi għandhom jaħdmu sabiex jikkompetu fuq l-aħjar politicies għall-futur tal-pajjiż, sabiex itejbu l-kwalità tal-ħajja u jsaħħu s-soċjetà. Ekonomija b’saħħitha, skont l-ekonomista, hija waħda li tieħu ħsieb lil dawk l-aktar vulnerabbli. Saħqet li l-Maltin għandhom id-dritt li jitolbu t-trasperenza, l-onestà u l-kontabbiltà mingħand ir-rappreżentanti eletti minnhom stess.

Il-lecturer qalet li n-nies iridu jaraw klassi politika li verament tilqa’ l-valuri tad-demokrazija, u li tifhem li l-poter mhuwiex tagħhom, imma ġie delegat lilhom miċ-ċittadini. Żiedet tgħid li n-nies jixirqilhom klassi politika matura, umli u leali lejn il-pajjiż.

“Ma jistax ikollna oppożizzjoni dgħajfa u mkissra”

Min-naħa tiegħu, Dr George Vital Zammit kiteb li wasal iż-żmien li nibdew inħarsu lejn riforma u tibdil sħiħ fis-sistema politika kurrenti, li wriet il-fraġilità u d-dgħufijiet tagħha. Qal li dan japplika kemm għall-Gvern, kif ukoll għall-Oppożizzjoni.

Dr Vital Zammit stqarr li fl-aħħar snin, in-nies bdew jippretendu anqas u anqas mingħand il-politiċi. “Donnha l-aktar ħaġa li kien jimpurtahom minnha n-nies kienet li Malta ssalva politikament.” Kompla jispjega li ċ-ċittadini għenu biex jinħolqu realtajiet alternattivi, fejn il-politiċi pinġew stampi lil hinn mill-verità.

Temm jgħid li demokrazija żgħira bħal Malta teħtieġ oppożizzjoni aktar b’saħħitha, u l-pajjiż ma jistax jippermetti li jkollu oppożizzjoni dgħajfa, fraġli u mkissra. Semma kif it-tmexxija politika trid terfa’ r-responsabbiltà tagħha lejn il-popolazzjoni u s-soċjetà, u mhux lejn il-kostitwenti tal-partit. Jekk dan ma jsirx, ikun theddida għad-demokrazija.

Waranofsinhar, ħarġet l-aħbar li l-Membru Parlamentari Therese Comodini Cachia se tiġi nnominata biex tkun il-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġdid, wara li Adrian Delia ġie sfiduċjat mill-maġġoranza tal-MPs din il-ġimgħa.