L-akbar tnaqqis fil-prezz taż-żejt f’sentejn

Il-prezz taż-żejt niżel bl-aktar mod qawwi fl-aħħar sentejn wara deċiżjoni mil-Libja li żżid il-produzzjoni. Iż-żejt Brent naqas b’6.9%, l-akbar tnaqqis f’daqqa fl-aħħar sentejn, biex għalaq fuq livell ta’ 73 dollaru l-barmil. Fl-Istati Uniti, il-prezz taż-żejt mhux raffinat niżel b’5% għal ftit aktar minn 70 dollaru. Għalkemm l-impatt kien inqas minn dak tal-Libja, l-Arabja Sawdita wkoll żiedet il-produzzjoni b’kważi nofs miljun barmil kuljum.

Il-Korporazzjoni Libjana responsabbli mill-produzzjoni taż-żejt ħabbret fil-jiem li għaddew li kienet se terġa’ tiftaħ erba’ terminals ta’ esportazzjoni. It-tnaqqis fil-prezz wasal minkejja rapport tal-Gvern Armerika li l-ħażna ta’ żejt naqset b’aktar minn 12-ilbiljun barmil u tinsab f’livell ta’ 4% inqas mill-medja fuq l-istess perjodu s-sena li għaddiet.

Dan it-tnaqqis wasal wara żidiet fil-ġimgħat ta’ qabel hekk kif l-Istati Uniti ħabbret li kienet se terġa’ tintroduċi sanzjonijiet fuq l-Iran kif ukoll minħabba t-tensjonijiet kummerċjali bejn l-Amerika u ċ-Ċina. Iċ-Ċina hija l-akbar importatur ta’ din ir-riżors fid-dinja.

Dan qed iwassal għal ċaqliq kontinwu fil-prezz, deskritt mill-OPEC, l-organizzazzjoni tal-produtturi ewlenin taż-żejt, bħala “mhux mixtieq”.

PSA tbigħ 2.2 miljun karozza aktar

PSA, il-kumpanija proprjetarja tad-ditti tal-karozzi Peugeot u Citroen, irrappurtat żieda ta’ 38% fil-bejgħ fl-ewwel sitt xhur tas-sena, grazzi b’mod partikolari għall-bejgħ ta’ prodotti fl-Ewropa. Il-kumpanija, li hija bbażata f’Pariġi, irrappurtat li l-bejgħ ta’ karozzi madwar id-dinja żdied b’rekord ta’ 2.2 miljun fuq is-sena li għaddiet. Dan ir-riżultat ċertament li kien affettwat bl-akkwist ta’ Open-Vauxhall minn General Motors is-sena li għaddiet, iżda wkoll ċifri ferm pożittivi fejn jidħlu bejgħ ta’ SUVs.

Matul l-aħħar 12-il xahar, PSA investiet bis-saħħa f’dan is-settur, u nediet 13-il mudell ġdid, li wasslu għal bejgħ ta’ 609,000 vettura aktar – 28% tal-bejgħ totali tal-grupp. Jekk wieħed jeskludi d-ditti mixtrija s-sena li għaddiet, il-bejgħ xorta żdied b’2% globalment u 8.4% fl-Ewropew.

Filwaqt li l-bejgħ fl-Ewropa kien qawwi, in-numru ta’ vetturi fil-Lvant Nofsani naqas b’19% wara d-deċiżjoni tal-kumpanija li toħroġ mill-Iran wara li ma setatx tikseb garanziji b’rabta mas-sanzjonijiet f’dan il-pajjiż.

Fost l-oħrajn, il-kumpanija nediet il-Crossland X, Mokka X u Grandland X li kienu ferm popolari mal-konsumaturi Ewropew. Dawn ir-riżultati mistennija jiġu riflessi f’titjib tal-pożizzjoni finanzjarja, bir-riżultati għall-ewwel sitt xhur tas-sena mistennija jkunu ppubblikati fl-aħħar ġimgħa ta’ Lulju.

Tirranka l-ekonomija Ingliża

Minkejja l-konfużjoni politika fir-Renju Unit wara li numru ta’ riżenju xekklu l-ħidma tal-Gvern ta’ Theresa May, u d-dubji dejjem jikbru dwar kif se jiġi implimentat il-Brexit, l-aħħar ċifri ekonomiċi taw xaqq ta’ dawl għall-ekonomija Brittanika.

Ċifri ppubblikati dan ix-xahar urew li l-ekonomija kibret b’0.3% f’Mejju, l-aħjar rendiment minn Novembru. Is-settur tas-servizzi kellu titjib ta’ 0.4% fit-tieni kwart tas-sena meta mqabbel ma’ 0.2% fl-ewwel kwart. Kien hemm ukoll riżultati pożittivi fil-qasam tal-manifattura u b’mod partikolari fil-kostruzzjoni, b’dan tal-aħħar jirreġistra l-ewwel żieda mill-bidu tas-sena (2.9%).  

Dan għandu jagħtu aktar kunfidenza lill-Bank of England li jgħolli r-rati tal-imgħax għat-tieni darba biss f’aktar minn għaxar snin, wara li ppospona din id-deċiżjoni matul ir-rebbiegħa li għaddiet.

Skont il-British Retail Consortium, dawn ir-riżultati kienu megħjuna minn temp tajjeb u l-prestazzjoni pożittiva tat-tim Ingliż fit-Tazza tad-Dinja 2018. F’aħbar tajba għall-Prim Ministru May, in-National Institute of Economic and Social Research qed jipprevedi li t-tkabbir ekonomiku jitjib fit-tielet u r-raba’ kwart tas-sena, previżjoni li tati nifs lil May hekk kif il-Partit Konservattiv jinsab maqsum minħabba l-kwistjoni Brexit.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment