Aġġornata: L-isfidi tal-istudenti Universitarji diskussi mill-KSU l-ġdid

Il-President tal-Kunsill Studenti Universitarj (KSU) Robert Napier qal li fl-Università ta' Malta hemm diversi sfidi li l-KSU jixtieq jindirizza.
Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista ntqal li waqt laqgħa ma' Simon Busuttil, Napier ippreżenta l-pjan ta’ ħidma tal-KSU għas-sena li jmiss u qal li l-ġimgħa d-dieħla, il-KSU se jkun qed jibda stħarriġ fost l-istudenti tal-Università biex imbagħad isir rapport u pjan ta’ azzjoni biex tiġi indirizzata l-isfida tal-problema tal-parkeġġ.
Il-bord tal-KSU l-ġdid iltaqa’ wkoll mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.
Ma' Newsbook.com.mt il-President tal-KSU Robert Napier qal li l-problema tal-parkeġġ mhix l-aktar problema għall-istudenti iżda hija problema antika u li trid tiġi indirizzata minnufih. Napier qal li matul il-laqgħa ġew diskussi aktar suġġetti fosthom il-ħtieġa li l-librerija tibqa’ miftuħa 24 siegħa, kollaborazzjonijiet mal-V18 u l-Kunsill Malti għall-Arti.
Ritratti mal-President: OPR