Jinstabu tunnellati kbar tal-kannabis ġo 3 kontejners

tunnellati kontejners kannabis

Id-Dipartiment tad-Dwana għamel l-ikbar sejba ta’ raża tal-kannabis waqt li kien qed jispezzjona erba’ kontejners fil-Freeport. L-ammont eżatt ta’ kannabis misjub għadu mhux magħruf, madanakollu, skont id-Dipartiment tad-Dwana, din is-sejba hija fiċ-ċert l-akbar sejba ta’ dan it-tip f’Malta, kemm fil-kwantità, kif ukoll bħala valur.

Tlieta minn dawn il-kontenituri kienu rreġistrati li qed iġorru sapun tal-platti, filwaqt li il-kontejner l-ieħor kien reġistrat li kellu torċijiet. Fit-tlett kontejters iddikjarati li fihom sapun tal-platti, instab li kien hemm il-kannabis moħbija.

Il-kontenituri, għaddew minn Malta wara li telqu mis-Sirja lejn il-Libja. Huma ġew immarkati bħala kontejners ta’ riskju għoli wara li saret analiżi ta’ riskju mill-Malta Customs Container Monitoring Unit. Dawn l-erba’ kontejners ġew skenjati b’żewġ mezzi differenti, backscatter scanner u bl-iskenner il-ġdid Nuctech x-ray scanner. Fiz-zewġ okkażżjonijiet, il-kontejners li kienu rreġistrati li fihom id-deterġent pprovdew inkonsistenza fl-iskan.

B’ispezzjoni fiżika li segwiet l-iskenning, instabet sustanza kannella moħbija fid-deterġent, u minn test irriżulta li dawn kienu kannabis. Kien hemm milljuni t’ ewro droga moħbija f’dan il-kontenitur. Il-valur eżatt għadu jrid jiġi kkalkulat.

Uffiċċjali tad-dwana talbu l-assistenza tal-iskwadra ta’ kontra id-droga u l-Pulizija Maltija mis-sessjoni tal-forensika. Il-Maġistrat ġie infurmat bil-każ.

“Din kienet l-ikbar qabda ta’ droga fl-istorja ta’ pajjiżna” – Il-Gvern

Il-Gvern Malti feraħ lid-Dipartiment tad-Dwana filwaqt li rrimarka li din kienet l-ikbar qabda fl-istorja tal-Gżejjer Maltin, kemm fil-piż kif ukoll fil-valur. Fi stqarrija, il-Gvern Malti insista li dan il-każ jirrifletti l-andament pożittiv tal-infurzar tal-liġi fil-pajjiż. Skont il-Gvern it-tunnellati tal-kannabis bħalissa qed jiġu analizzati mill-iskwadra ta’ kontra d-droga u tal-forensika.