Parti mill-kleru: L-akbar ostaklu għall-Papa

F’artiklu ppubblikat fil-ġurnal tal-Vatikan “L'Osservatore Romano”, Fr Giulio Cirignano, għalliem tal-Iskrittura f’Università Kattolika f’Ruma, qal li l-akbar ostaklu biex tkun implimentata l-viżjoni ta’ Papa Franġisku hi l-ostilità ta’ parti mill-kleru kemm f’livelli għolja kif ukoll f’livelli oħra.
L-artiklu jgħid li l-akbar ostaklu għall-bidla li l-Papa Franġisku irid iġib fil-Knisja hi l-attitudni ta’ parti sew mill-kleru, kemm Kardinali kif ukoll Isqfijiet u saċerdoti, li qed jingħalqu għall-bidliet li jrid il-Papa u kultant saħansitra juru ostilità lejhom.
Ħafna nsara fehmu dan il-mument pożittiv li Alla qed jgħaddi minnu lill-Knisja u fil-parti l-kbira tagħhom qed jiċċelebraw dan il-mument. Iżda minkejja dan, dawk fil-komunità li huma qrib saċerdoti konservattivi qed jitħallew jiċċelebraw użanzi antikwati, b’lingwi li ma jifhmux u riti ripetittivi u bla ħajja.
Cirignano jgħid li din ir-reżistenza għar-riformi li jrid il-Papa ġejja  mil-livell kulturali modest ta’ parti mill-kleru bi ftit preparazzjoni teoloġika u biblika; immaġni antikwata tas-saċerdozju li tħares lejn il-qassis bħala l-kap u l-patrun tal-komunità; u teoloġija antikwata u bla ruħ li ttrasformat l-avventura misterjuża tat-twemmin f’reliġjon li ssostni li “Alla tar-reliġjon hu xbiha tal-bniedem u mhux il- kuntrarju – il-bniedem hu xbieha ta’ Alla”.
L-artikolista jsostni li Alla ma jittollerax li jingħalaq fi skema riġida li huma tipiċi tal-moħħ uman. Minflok, Alla hu mħabba u xejn aktar, imħabba li hi rigal.  Hu jikkoreġi b’mod sempliċi il-ħafna tfixkil li l-bniedem ipoġġi fit-triq tal-imħabba.
Għalkemm ma hemm ebda indikazzjoni li dan l-artiklu kellu l-inkoraġġiment tal-Papa jew li l-Papa kien jaf bih, il-Papa Franġisku mhux l-ewwel darba ħaqqaqha ma’ Kardinali, Isqfijiet u saċerdoti kemm ilu Kap tal-Knisja Kattolika. 
Infatti f’Diċembru 2014 meta kien qed ikellem lill-Kurja Rumana, Papa Franġisku kien elenka 15-il marda spiritwali fosthom ir-rivalità u l-vanaglorja, it-tqasqis, il-wiċċ ta’ funerali, in-nuqqas ta’ ferħ u oħrajn.