L-akbar numru ta’ vokazzjonijiet f’East Anglia fl-aħħar 30 sena

Id-djoċesi ta’ East Anglia fl-Ingilterra bħalissa għandha 12-il persuna jistudjaw biex isiru saċerdoti. Dan hu l-akbar numru f’sena waħda f’dawn l-aħħar 30 sena.
Ħames żgħażagħ bdew l-istudji saċerdotali tagħhom f’Settembru li għadda. Dawn jinsabu f’seminarji differenti fl-Italja, Spanja u l-Ingilterra. 
Id-Direttur tal-Vokazzjonijiet, Fr Pat Cleary, qal li fattur wara din iż-żieda fin-numru ta’ kandidati għas-saċerdozju hi l-prijorità li ngħatat lill-vokazzjonijiet mill-Isqof Alan Hopes li għamel l-ingress tiegħu f’din id-djoċesi ħames snin ilu.
Il-vokazzjonijiet huma fuq nett tal-aġenda tal-Isqof u jitlob għal kull wieħed mis-seminaristi b’isimhom fit-talb tiegħu ta’ kuljum. Meta l-Isqof idur il-parroċċi, jinduna meta jiltaqa’ ma’ żgħażagħ li jkunu qed jikkunsidraw din l-għażla u jassigura li jiltaqa’ magħhom biex ikompli jinkoraġġihom.
Din id-djoċesi, li tkopri żona rurali fil-Lvant tal-Ingilterra, hemm fiha s-Santwarju Nazzjonali Marjan f’Walsingham u kapaċi jħallas hu għall-edukazzjoni tal-istudenti permezz tal-programm “Alive in Faith”.
Ix-xahar li għadda d-djoċesi kellha l-ewwel qassis tagħha wara erba’ snin. Fr. Jaylord Magpuyo kien beda l-istudji saċerdotali tiegħu fil-Filippini u kien ordnat saċerdot fil-Katidral ta’ San Ġwann Battista f’Norwich. Id-djoċesi kien ilha żmien twil mingħajr seminaristi.
Fr. Cleary qal li hi responsabbiltà tiegħu li jakkumpanja lil dawn iż-żgħażagħ u jmur iżurhom fis-seminarji fejn qed jistudjaw, almenu darba fis-sena akkademika.
Fakkar li meta hu personali kien qed jistudja biex isir qassis, is-seminaristi  kellhom ferm anqas importanza.
“Illum il-progress u l-attivitajiet tas-seminaristi tagħna jidher f’ħafna komunikazzjonijiet djoċesani, partikolarment fil-gazzetta djoċesana “Catholic East Anglia”.  Huma jieħdu sehem f’diversi ċelebrazzjonijiet djoċesani u avvenimenti liturġiċi”, żied jgħid id-direttur spiritwali tagħhom.