L-akbar nar fl-istorja ta’ Kalifornja

Uffiċjali tat-tifi tan-nar Amerikani qed jissieltu mal-akbar nirien li qatt ħakmu l-istat ta’ Kalifornja qed jiffaċċjaw il-possibilità ta’ riħ qawwi u temperaturi għoljin li mistennija iżidu l-intensità tan-nirien li affettwaw zona d-daqs ta’ Los Angeles.

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni tal-Foresti minn Nar ta’ Kalifornja qal li sal-lbieraħ 47% tan-nar bl-isem ta’ Mendocino Complex fil-Kalifornja tat-Tramuntana kienu kkontrollati, fil-ġurnata ta’ qabel dan kien 34%, wara li l-uffiċjali tat-tifi tan-nar approfittaw minn temperaturi aktar baxxi.

Iżda kundizzjoni ta’ temp bir-riħ mistennija mil-lum sas-Sibt skont is-Servizz Meteoroloġiku Nazzjonali. Huwa qal ukoll li mhux mistennija x-xita u dan ifisser kundizzjonijiet ħżiena għat-tifi tan-nar.

S’issa weġġgħu żewġ uffiċjali tat-tifi tan-nar waqt il-qadi ta’ dmirijiethom u n-nar s’issa ħakem aktar minn 300.000 ettaru. Waqt li kien qed jinfirex in-nar qered 119 dar, li huwa ħafna inqas mill-1.000 dar li nħarqu bin-nar imsejjaħ Carr madwar 100 mil fit-Tramuntana ta’ Redding iżda ż-żewġ avvenimenti sfurzaw l-evakwazzjoni ta’ eluf ta’ nies minn darhom.