L-akbar ġerħa u l-akbar sodisfazzjon ta’ Simon Busuttil

Read in English.

Il-MP tal-PN Simon Busuttil qal li l-akbar sodisfazzjon tiegħu fiż-żmien li għamel fil-parlament kien li bdiet issir ġustizzja politika u l-akbar ġerħa kienet l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Busuttil qal dan waqt intervista fuq 103 Malta’s Heart għall-programm The Newsbook Hour. Jes Saliba staqsa lil Busuttil dwar il-ħatra ġdida tiegħu bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew (EPP).

Simon Busuttil qal li dan huwa unur personali għalih u anke unur għal Malta, speċjalment fid-dawl tas-sitwazzjoni li tinsab fiha l-gżira.

Qal li huwa privileġġ għax Malti se jkun qed imexxi “l-aktar partit importanti fuq livell Ewropew”. Spjega li kull deċiżjoni li tittieħed fi Brussell b’xi mod tkun influwenzata mill-EPP. Il-PN huwa partit mill-grupp tal-EPP fil-Parlament Ewropew.

Mistoqsi dwar xi sfidi qed taffaċċja l-Ewropa, Busuttil semma dawk tal-popoliżmu u tar-rispett lejn il-liġijiet (is-saltna tad-dritt). Qal li ċertu partiti fl-Ewropa bdew bħala partiti estremisti li ftit ftit issa qed jidħlu fil-poter. Spjega li qed iħallu impatt fuq ix-xena politika.

Fil-fehma ta’ Busuttil, partiti popolisti huma kapaċi ħafna jgħidu x’inhi problema imma li mhumiex kapaċi joffru soluzzjonijiet.

Busuttil qal ukoll li s-saltna tad-dritt hija sfida għal diveris pajjiżi, inkluż Malta. Qal li jkun hemm politiċi li jgħamew lin-nies, jibqgħu popolari, u fl-istess ħin jagħmlu affarijiet li wieħed ma jistenniex li jsiru fl-Ewropa. Semma li f’Malta u fi Slovakkja nqatlu l-ġurnalisti u li fil-Polonja l-ġudikatura m’għadhiex indipendenti.

Busuttil ġie mistoqsi wkoll dwar x’kien l-akbar sodisfazzjon tiegħu fiż-żmien li għamel fil-parlament Malti. Qal li l-akbar sodisfazzjon kien li feġġ id-dawl ta’ ġustizzja politika f’Malta u li s-sewwa jirbaħ żgur.

Żied jgħid li l-ġustizzja sħiħa għad trid issir u li dan se jkun wieħed mill-akbar sfidi li għandu quddiemu l-PM il-ġdid Robert Abela.

L-akbar ġerħa għal Busuttil kien l-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia. Qal li din kienet daqqa ta’ ħarta mortali għad-demokrazija. Spjega li anke jekk tfieq din il-ġerħa, din se tibqa’ farrett.