L-akbar bank Awstraljan se jitlaq minn Malta

CBA

Read in English.

L-akbar bank tal-Awstralja se jitlaq minn Malta, skont kelliem għall-Commonwealth Bank of Australia.

Kelliem għall-CBA qal lil Newsbook.com.mt li l-operat tal-bank f’Malta se jagħlaq. Minflok Malta, il-bank se jkun qed jipprova jiftaħ fergħa f’Amsterdam fl-Olanda.

“Dan se jipprovdielna preżenza qawwija fl-Unjoni Ewropea biex tissuplimenta l-uffiċċju tagħna fir-Renju Unit,” qal il-kelliem. Spjega lil Newsbook.com.mt qed jimmiraw li jissottomettu l-applikazzjoni għall-fergħa l-ġdida tard fi Frar. Iddeskriva lill-Olanda bħala post b’saħħtu għan-negozju tal-bank.

“Fl-aħħar qam mir-raqda” – korrispondent tan-negozju

Fid-19 ta’ Frar, il-korrispondent għan-negozju tal-gazzetta The Australian qal li l-Commonwealth Bank fl-aħħar ġie f’sensih u li se jitlaq minn Malta wara 15-il sena. Richard Gluyas qal li t-trasparenza hija kruċjali fid-dinja moderna tal-banek u li r-riskju tar-reputazzjoni għall-bank dejjem kien se jkun aktar importanti mir-rati baxxi tat-taxxi f’Malta. Gluyas iddeskriva lil Malta bħala “obscure offshore location”. Però, żied jgħid li “teknikament” l-istruttura tas-CBA f’Malta kienet “legali”.

Gluyas qal li s-CBA qatt ma setgħet tagħti raġuni konvinċenti għalfejn l-aqwa istituzzjoni finanzjarja tal-Awstralja għażlet “ġebla f’nofs in-Mediterran” bħala bażi Ewropea tagħha sakemm mhux għal raġunijiet tat-taxxa.

Aktar inkwiet fis-settur bankarju

Din l-aħbar tkompli żżid fil-lista ta’ aħbarijiet li jqajmu inkwiet fis-settur bankarju Malti.

Fl-2018 id-diretturi tal-Bank Pilatus kienu infurmati li l-liċenzja tal-bank kienet revokata mill-Bank Ċentrali Ewropew (ECB). Dan sar sentejn minn wara li kienu bdew ħirġin l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-bank.

Fi stqarrija l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta kienet qalet li hi kienet proponiet li l-liċenzja tal-Bank Pilatus tiġi revokata f’Ġunju 2018, tliet xhur wara li d-direttur u s-sid tal-bank spiċċa arrestat fl-Istati Uniti b’akkużi ta’ ħasil tal-flus. Il-Kap ta’ Delegazzjoni u l-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa kien rrapporta l-bank lill-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew f’Novembru 2017 biex jintervjeni dwar il-każ.

L-HSBC se jkun qed ikeċċi 35,000 ħaddiem madwar id-dinja

Intant, l-HSBC ħabbar li se jkun qed ikeċċi 35,000 ħaddiem mill-fergħat madwar id-dinja bħala parti mill-istrutturar wara li l-profitti tal-bank naqsu b’terz is-sena li għaddiet. Dan skont rapporti f’diversi media internazzjonali.

Għadu mhux magħruf jekk Malta hux se jkun wieħed mill-pajjiżi li se jesperjenza tkeċċija ta’ ħaddiema. Kelliema għall-HSBC f’Malta spjegat ma’ Newsbook.com.mt li f’Novembru tal-2019, l-HSBC kien ikkonferma li se jkun qed inaqqas in-numru ta’ impjegati b’180.