L-akbar ballun tan-nar f’Malta se jinħaraq nhar il-Ġimgħa

L-akbar ballun tan-nar f’Malta se jinħaraq nhar il-Ġimgħa.

Fi stqarrija, il-Fondazzjoni Valletta 2018 qalet li l-ħruq tal-ballun se jsir fl-10 pm. Il-ballun, Shell of Shells, li huwa xogħol il-Kamra tan-Nar tas-Soċjetà Santa Katerina taż-Żurrieq se jinħaraq minn fuq il-baħar permezz ta’ barkun 3.3 kilometri ‘l bogħod mix-xatt ta’ Wied iż-Żurrieq u 3.3 kilometri ‘l bogħod minn Filfla. Il-V18 saħqet li se jiġu osservati l-aqwa prattiċi ambjentali matul l-attività kollha.

Skont il-V18, ilballun huwa uniku. Oriġinarjament kien sar għall-għeluq tal-Valletta Pageant of the Seas iżda minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp dakinhar ma kienx inħaraq u kien pospost għal data oħra.

F’Ġunju, il-fondazzjoni qalet li l-ballun tan-nar li kien se jinħaraq ma kienx possibbli li jinħaraq minħabba raġunijiet marbuta ma’ sigurtà relatati mal-post.