L-ajruplan li nħakem mir-riħ jiddaħħal f’ħangar

Ilbieraħ filgħaxija l-ajruplan li kien inħakem mir-riħ u spiċċa f’binja f’Ħal Farruġ issa jinsab ġewwa ħangar.
Fi stqarrija, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) qal li l-ħidma twettqet minn speċjalisti mill-manifattur tal-ajruplan, membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, mill-Forzi Armati ta’ Malta, mill-Pulizija, mill-ħaddiema tal-ajruport, u mill-ħaddiema lokali tal-manutenzjoni tal-ajruplani.
Skont l-ajruport, ġie installat fence temporanju malli l-ajruplan tneħħa minn fuq il-post. Skont l-istqarrija, se jsir xogħol biex iż-żona tiġi rranġata b’mod permanenti.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-Bureau of Air Accident Investigation diġà bdiet bl-investigazzjoni tagħha.
Tista’ tara r-ritratti li ttieħdu minn fuq il-post hawn.
Ritratt: Ian Noel Pace