L-ajruport ta’ Zaventem jiftaħ mill-ġdid b’messaġġ ta’ tama

12-il jum wara l-attakki mdemmija fl-ajruport ta’ Zaventem fi Brussell, illum reġgħu bdew joperaw it-titjiriet mill-ajruport imsemmi.
B’kollox hemm skedati tliet titjiriet “simboliċi” bil-ħaddiema tal-ajruport jingħaqdu flimkien u jinġabru f’post wieħed biex isegwu t-tluq tal-ewwel titjira wara l-ftuħ mill-ġdid.
It-titjira telqet fis-sagħtejn neqsin għoxrin ta’ wara nofsinhar lejn Faro fil-Portugall. Il-passiġġieri kienu mitluba jgħaddu minn żewġ proċessi ta’ sigurtà, bl-ewwel wieħed f’check-point fi triqthom lejn l-ajruport. 
Matul il-jum ta’ llum hemm skedati żewġ titjiriet oħra, waħda lejn Turin fl-Italja u oħra lejn il-kapitali Griega, Ateni.
Il-Kap eżekuttiv tal-Ajruport ta’ Zaventem qal li bil-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport, qed jitwassal messaġġ ta’ tama li juri li l-ajruport qed jerġa’ jqum fuq saqajh u li mhux se jċedi quddiem l-atti kodardi tal-jiem li għaddew.