Aġġornata: Jerġa’ jinfetaħ l-ajruport ta’ Gatwick

L-ajruport ta’ Gatwick jerġa’ jinfetaħ wara li aktar kmieni ngħalaq għal madwar siegħa u nofs. Dan minħabba suspett li dehru aktar drones itiru qrib l-ajruport.

Din kienet it-tieni darba f’temp ta’ ftit sigħat li kellu jerġa’ jingħalaq. Ilbieraħ għalaq għal numru ta’ sigħat għall-istess raġuni.

L-ajruport ta’ Gatwick l-Erbgħa kellu jingħalaq minħabba li kien hemm żewġ drones fl-ajru viċin ħafna l-ajruport. Madwar 110,000 passiġġier fuq 760 titjira ġew affettwati minn dan it-tfixkil. F’Malta ġew affettwati sitt titjiriet minħabba dawn id-drones.

Filmat: Drones f’Gatwick jaffettwaw sitt titjiriet f’Malta

Il-Ħamis filgħodu dan l-ajruport reġa’ kien miftuħ. Għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħodu ajrupjan niżel fl-ajruport ta’ Gatwick.

Jinfetaħ mill-ġdid l-ajruport ta’ Gatwick

Mara Maltija f’post fuq facebook qalet li tinsab Gatwick u hija diffiċli biex tkun Malta qabel il-Milied. Hija qalet li minkejja li din is-sitwazzjoni hi ma kellhiex kontroll fuqha, se jkollha terġa’ tħallas il-biljetti tagħha u ta’ wliedha kif ukoll l-akkomodazzjoni sakemm idumu hemm. Il-kumpanija offriet il-flus lura però fi żmien xahar.

Mara maqbuda l-Ingilterra; appell biex tilħaq tasal Malta sal-Milied