L-Ajruport it-tielet l-iktar fil-klassi tiegħu b’konnettività internazzjonali

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għandu t-tielet l-aktar konnettività internazzjonali minn fost 136 ajruport tal-istess klassi, b’aktar minn 50 destinazzjoni fl-iskeda tax-xitwa.
Dan ir-riżultat sar magħruf wara li f’Jannar sar studju dettaljat tal-iskedi kollha.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hu t-tielet minn fost il-komunità Internazzjonali Ewropea tal-Kunsill tal-Ajruporti li jilqgħu inqas minn 5 miljun passiġġier fis-sena.
L-Ajruport ta’ Malta jinqabeż biss mill-Ajruporti ta’ Fuerteventura fil-Gżejjer Kanarji u Belgrad fis-Serbja.
Is-sena li għaddiet, l-ajruport kellu żieda ta’ 6.4% fi traffiku ta’ passiġġieri fuq l-2013, bi ftit iktar minn 4 miljun passiġġier se jiġu milqugħa sa’ tmiem is-sena.