L-ajruport iħejji miżuri għal meta jerġa’ jiftaħ

Handout via REUTERS

Read in English.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ d-deċiżjoni tal-Gvern li huwa jerġa’ jibda jopera fl-1 ta’ Lulju, b’titjiriet lejn u minn 19-il pajjiż fejn l-imxija tal-coronavirus qed titqies waħda kontrollata. L-ajruport għaddej bil-preparamenti sabiex ladarba jiftaħ, ikun hemm miżuri siguri li jiżguraw saħħet il-passiġġiera.

F’konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ, il-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci ħabbru l-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport mill-1 ta’ Lulju, u llaxkar ta’ għadd ta’ miżuri minn nhar il-Ġimgħa li ġej. Fil-5 ta’ Ġunju mistennijin jiftħu l-bqija tal-istabbilimenti, filwaqt li f’nofs Lulju, se terġa’ tibda ssir il-quddies.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, l-ajruport qal li qed jiddiskuti mal-awtoritajiet konċernati sabiex jevalwa l-proċess tal-vjaġġ tal-passiġġiera u jintroduċi miżuri ta’ mitigazzjoni f’kull punt ta’ dan il-proċess.

L-ajruport appella wkoll lill-passiġġiera sabiex ikunu prudenti u jimxu mar-regoli meta l-ajruport jerġa’ jiftaħ.

Il-linja tal-ajru nazzjonali Air Malta diġà ħabbret li l-passiġġiera jridu jilbsu l-maskri waqt il-vjaġġ kollu, u jieħdu ħsieb l-iġjene tagħhom sabiex tiġi kontrollata l-imxija tal-coronavirus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn