L-Ajruport fi triqtu biex il-persuni bl-awtiżmu jħossuhom aktar komdi fih

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA), nieda serje ta’ inizjattivi sabiex l-esperjenza tat-titjira għal persuni li għandhom l-awtiżmu tkun iffaċilitata.
Ilbieraħ l-MIA xegħel il-faċċata tat-terminal b’dawl blu biex jimmarka l-ġimgħa ta’ Għarfien Dinji dwar l-Awtiżmu.
Iżda lil hinn minn dan il-ġest simboliku, l-ajruport ser iniedi wkoll proġett pilota li jinkludi sensiela ta’ inizjattivi biex jagħmluha aktar faċli lill-persuni bl-awtiżmu fi triqthom lejn l-ajruplan.
Passiġġieri li qegħdin jivvjaġġaw ma’ tfal u adulti b’awtiżmu issa jistgħu jimlew formola disponibbli fuq is-sit tal-ajruport qabel jibdew il-vjaġġ tagħhom. Dan bl-għan li jindikaw jekk jeħtiġux għajnuna addizzjonali huma u jivvjaġġaw mill-MIA.
L-ajruport se jipprovdi mezz ta’ identifikazzjoni li jista’ jintlibes biex jiġbed l-attenzjoni lill-membri tal-istaff li l-persuna tista’ teħtieġ aktar ħin biex tipproċessa informazzjoni u jista’ jkollha bżonn xi għajnuna addizzjonali fit-tħejjija għaċ-check-in u għall-kontrolli tas-sigurtà.
Fi stqarrija kelliem għall-ajruport qal li l-atmosfera kaotika fl-ajruport tista’ toħloq problemi għal dawn in-nies, u xogħol l-MIA hu li jagħmlulhom l-esperjenza aktar pjaċevoli.
Għadd ta’ spazji fl-ajruport ġew identifikati bħala spazji għall-kwiet; dawn jipprovdu ambjent ta’ rilassament lil hinn mill-istorbju tal-ajruport, fejn dawn il-passiġġieri jistgħu jistennew sakemm ikun wasal il-ħin biex ikomplu l-vjaġġ tagħhom.
F’kollaborazzjoni mal-Inspire, tnedew ukoll sessjonijiet ta’ taħriġ għall-istaff bl-għan li jipprovdilhom għarfien bażiku dwar il-kundizzjoni u gwida prattika ta’ kif l-aħjar jinteraġixxu ma’ individwi bl-awtiżmu.
Tnediet ukoll sezzjoni appost fis-sit tal-MIA, sabiex dak li jkun isib pariri u fejn jista' jsib l-għajnuna fl-ajruport.