L-ajruport bla dawl għal ftit sigħat fil-jiem li ġejjin

Read in English.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta se jagħmel ftit sigħat bla dawl fil-jiem li ġejjin sabiex isiru xi xogħlijiet ta’ modernizzar tal-provvista.

Fi stqarrija, l-Ajruport avża li dan il-qtugħ fil-provvista tal-elettriku se jseħħ fil-11 ta’ Jannar bejn il-11pm u l-4am, u fil-15 ta’ Jannar bejn nofsillejl u t-3am. Dan m’għandux jaffettwa t-titjiriet ippjanati f’dawk is-sigħat.

F’dawn is-sigħat, se jsiru xogħlijiet biex tittejjeb l-infrastruttura tal-elettriku. Dan l-investiment għandu jikkontribwixxi għal livelli aħjar ta’ sigurtà, kif ukoll għal provvista tal-elettriku aktar b’saħħitha.

Dawn il-ħinijiet intgħażlu apposta għax huma sigħat meta l-ajruport ikun relattivament kwiet. Ġie avżat ukoll li b’hekk se jiġi affettwat id-dawl tat-terminals u tal-parkeġġi, u anke xi lifts u turġien.