L-ajruport b’apparat teknoloġiku biex ma jkunx hemm kuntatt

L-ajruport qed iħejji għadd ta’ miżuri ġodda għal meta jerġa’ jiftaħ sabiex tiġi kkontrollata l-imxija tal-coronavirus, fosthom l-implimentazzjoni ta’ apparat teknoloġiku sabiex jieħu post il-kuntatt bejn il-ħaddiema u l-passiġġiera.

Fi stqarrija, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar li mill-1 ta’ Lulju, meta jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu, se jidħlu fis-seħħ għadd ta’ inizjattivi li jippromwovu d-distanza soċjali u li ma jirrikjedux interazzjoni bejn il-passiġġiera u l-ħaddiema.

L-investiment fit-teknoloġija jinkludi apparat li l-passiġġiera jistgħu jiskenjaw il-passaport u l-biljett tat-titjira fuqu, minflok ma jiċċekkjawhomlhom il-ħaddiema tal-ajruport. Permezz ta’ apparat ieħor, se jiġi mmoniterjat il-moviment tan-nies, sabiex jekk uħud ikunu wisq viċin ta’ xulxin, dawn jiġu avżati sabiex jitferrxu. Il-kameras li jiċċekkjaw jekk persuna għandhiex id-deni, li kienu ntużaw fil-bidu tal-imxija tal-coronavirus, se jibqgħu jintużaw.

Apparti dan, twaqqaf tim apposta msejjaħ Airport Care Team, sabiex f’każ ta’ ħtieġa ta’ assistenza medika, dan ikun pront biex jgħin. Xogħol it-tim se jkun ukoll li jiżgura li kulħadd qed jimxi mal-linji gwida fuq is-saħħa u s-sigurtà.

Biex tinżamm id-distanza bejn in-nies, twaħħlu tabelli madwar l-ajruport fuq hekk. Is-siġġijiet ukoll tferrxu b’tali mod li tinżamm id-distanza bejn il-passiġġiera. Mal-iskrivaniji fejn jinqdew il-klijenti twaħħal il-perspex sabiex jifred lill-klijent mill-ħaddiem.

Il-Kap Eżekuttiv tal-ajruport Alan Borg appella lin-nies li beħsiebhom jivvjaġġaw sabiex ikunu responsabbli u jimxu mar-rakkomandazzjonijiet u r-regoli mogħtija. Minkejja li l-esperjenza tal-ivvjaġġar se tkun waħda differenti, il-miżuri għandhom jgħinu biex in-nies iħossuhom komdi jivvjaġġaw ladarba l-ajruport jerġa’ jiftaħ, qal Borg.