L-ajruplan tal-Malaysia Airlines seta’ dar lura meta tilef il-kuntatt

L-ajruplan tal-Malaysia Airlines seta’ dar lura meta tilef il-kuntatt maċ-ċentri tal-kontroll.
Hekk qed ikun ikkunsidrat mill-Uffiċċjali tal-linja tal-ajru wara li l-ajruplan bit-titjira MH 370 sparixxa kmieni lbieraħ filgħodu.
Hu rrappurtat li qed jiġu investigati l-filmati tas-CCTV ta’ żewġ passiġġiera li x’aktarx telgħu fuq l-ajruplan permezz ta’ passaport falz.
Uffiċċjali qalu li żewġ ismijiet minn dawk li kienu abbord jaqblu ma’ passaporti rrappurtati misruqa fit-Tajlandja, wieħed mingħand raġel Taljan u ieħor mingħand raġel Awstrijak.
Intqal ukoll li erba’ passiġġieri fuq it-titjira minn Kuala Lampur fil-Malasja lejn Beijing fiċ-Ċina kienu taħt investigazzjoni.
It-titjira kellha 239 persuna abbord, bil-kuntatt intilef fin-nofsinhar tal-Vietnam.
Ħaddiema tas-salvataġġ ilhom ifittxu fl-ibħra għal aktar minn 24 siegħa, iżda sa issa l-isforzi kollha ma ħallew l-ebda riżultat.