L-ajruplan tal-Malasja seta’ inħataf mill-pirati

L-investigaturi qed janalizzaw jekk l-ajruplan tal-Malasja li sparixxa ġimgħa ilu, inħatafx mill-pirati. 
Uffiċjali Amerikani kkonfermaw li l-apparat li juri fejn jinsab l-ajruplan ġie mitfi apposta u l-ajruplan b’239 persuna abbord seta’ tniżżel x’imkien wara ‘att ta’ piraterija’. 
Jidher li l-inkjesti qed jiffukaw iktar fuq it-teorija li l-pilota, jew xi ħadd li kien jaf itajjar l-ajruplan, dawwar ir-rotta. 

Radar militari wera li l-ajruplan ittajjar lejn il-ġżejjer Andaman fl-Indja. 
Il-Ministru tat-Trasport tal-Malasja qal li l-informazzjoni li qed tasal qed twassal biex it-tfittxijiet ikomplu f’żoni ġodda.
Huwa qal li l-pulizija tista’ tagħmel tfittxijiet fid-dar tal-pilota u qiegħda wkoll tinvestiga jekk xi ħadd mill-passiġġieri u l-membri tal-ekwipaġġ kellhomx xi problemi psikoloġiċi. 

Il-bieraħ ġie rrapurtat li li l-ajruplan ta sinjali għal madwar ħames siegħat oħra fuq radar militari wara li sparixxa mir-radar tat-titjiriet kummerċjali. 
Filwaqt li dan qed jitqies bħala wieħed mill-ikbar misteri fl-istorja tal-avjazzjoni moderna, it-tfittxijiet qed ikomplu kważi ġimgħa wara l-għajbien tal-ajruplan. 
Ajruplani militari Indjani qed iduru fuq gżejjer fil-baħar Andaman fejn ma jgħixux nies biex ifittxu traċċi tal-ajruplan.
F’din iż-żona hemm 572 gżira. In-nies jgħixu fuq 37 minnhom filwaqt li l-oħrajn huma mimlija foresti.