​“L-ajruplan tal-EgyptAir iġġarraf minħabba iPad jew iPhone tal-kopilota”

Apparat elettroniku tal-Apple li saħan iżżejjed wassal biex ajruplan tal-EgyptAir jaqa’ fil-Mediterran fl-2016 skont il-familji ta’ dawk li mietu.
Skont il-midja internazzjonali, il-familji tal-vittmi fetħu kawża kontra l-Apple u l-kumpanija tal-ajru.
L-EgyptAir kienet qalet li l-ajruplan tat-tijira MS804, minn Pariġi għal Kajr, għeb minn fuq ir-radar. Abbord l-ajruplan kien hemm 56 passiġġier, seba’ membri tal-ekwipaġġ u tliet membri tas-sigurtà.
Il-familji qed jgħidu li l-ajruplan iġġarraf minħabba l-iPhone 6S jew l-iPad mini tal-kopilota li ħadu n-nar fil-kabina tal-piloti. Allegaw li dan ġie kkonfermat minn investigazzjoni.
L-Awtoritajiet Franċiżi għadhom qed jinvestigaw il-każ. Qed jesploraw tliet possibilitajiet:

  1. Att ta’ terroriżmu
  2. Kien hemm nar li beda minn apparat elettroniku tal-kopilota
  3. Ħsara teknika