L-ajruplan seta’ għamel inżul t’emerġenza fil-baħar

Esperti fil-qasam tal-avjazzjoni qed jgħidu li x’aktarx il-pilota tat-titjijra 8501 tal-AirAsia prova jagħmel inżul t’emerġenza fuq il-baħar iżda kien fatali minħabba l-mewġ għoli li qed jaħkem l-inħawi.
L-esperti qalu li l-pilota, Captain Iriyanto kien esperjenzat f’xogħlu u seta’ jagħmel inżul t’emerġenza fuq il-baħar mingħajr ma jagħmel impatt qawwi fuq l-istruttura tal-ajruplan.
Dan seta’ jwassal biex il-mekkaniżmi li jidħlu fis-seħħ meta l-ajruplan isofri minn ħsarat serji ma ġewx attivati. Fil-fatt it-transmitter li jintuża biex ikunu lokalizzati l-ajruplani ma xegħelx.
S’issa nstabu 9 katavri mill-162 persuna abbord, li jinkludu tnejn li nstabu il-Ħamis.