Aġġornata: Iż-żejt fil-baħar mhux tal-ajruplan li sparixxa

Żejt fil-baħar li l-ħaddiema ta’ salvataġġ ħasbu li kien tal-ajruplan li sparixxa qrib il-Vjetnam, irriżulta li kien żejt li normalment jintuża mill-bastiment tal-merkanzija.
 
Id-Direttur Ġenerali tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Malasja, Azharuddin Abdul Rahman qal lill-ġurnalisti miġbura f’lukanda fi Kuala Lumpur li ħjiel ieħor, fosthom li instabet bieba tal-ajruplan u l-parti ta’ wara irriżulta li ma kienux vera.
 
Tħabbar li se tikber iż-żona li fiha se tkompli l-ħidma ta’ tiftix għall-ajruplan li għeb tliet ijiem ilu b’227 passiġġier u 12-il membru tal-ekwipaġġ. Iż-żona ta’ tiftix issa tinkludi l-parti l-kbira tal-Golf tat-Tajlandja bejn il-Malasja u l-Vjetnam.
Sadattant il-qraba tal-persuni li kienu abbord it-titjira qed jiġu ippreparati għall-aħbar li kulħadd seta’ tilef ħajtu f’din it-traġedja.
 
Aktar kmieni: 
Qed tintensifika t-tfittxija għall-ajruplan tal-Malaysia Airlines li nhar is-Sibt li għadda għeb b’239 persuna abbord. 
Għadu misteru x’setà seħħ biex it-titjira MH370 minn Kuala Lumpur għal Beijing sparixxiet siegħa wara li bdiet il-vjaġġ.
Fl-istess waqt mhux eskluż li l-ajruplan inħataf minn xi passiġġieri jew inkella kien hemm splużjoni ta’ bomba abbord.
 
Rapporti ta’ rqajja ta’ żejt fl-ilma fin-naħa t’isfel tal-Vjetnam juru li l-ajruplan seta’ kkraxxja iżda is-sejba ta’ tifrik mill-ajruplan għada ma ġietx ikkonfermata.
Id-Direttur Ġenerali tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Malasja spjega kif fit-tfittxija qed jintużaw 34 ajruplan, 40 bastiment, mijiet ta’ ħaddiema u eluf ta’ sigħat.
Il-Vjetnam, iċ-Ċina, Singapore, l-Indoneżja, it-Tajlandja, l-Filippini u l-Istati Uniti kollha qed jgħinu fit-tfittxijiet għall-ajruplan.

L-awtoritajiet qegħdin jinvestigaw kif fallew is-sistemi tas-sigurtà wara li ġie kkonfermat li mill-inqas żewġ passiġġieri użaw passaporti misruqa.