L-Airmalta tħabbar aktar destinazzjonijiet

Jekk bi ħsiebek issiefer, l-Airmalta għadha kemm introduċiet erba’ rotot ġodda f’Londra Southend u Cagliari.
It-titjiriet se jkunu primarjament minn Malta għal Londra Southend u Malta Cagliari u lura, kif ukoll bejn l-ajruporti ta’ Londra Southend, Katanja u Cagliari. Dawn se jibdew fl-4 ta’ Mejju.
Ħabbru ukoll żieda fil-frekwenza tar-rotta ta’ Katanja li bħalissa għandha medda ta’ 22 titjira fil-ġimgħa.
Il-Kap Kummerċjali tal-Air Malta, Paul Sies, qal li Londra Southend huwa t-tielet ajruport ta’ Londra li se tkun qed topera lejh l-Air Malta. Hu qal kif dan l-ajruport huwa wieħed aktar strateġiku minħabba li hu meqjus li joffri l-aktar aċċess faċli għal Londra bil-konnessjoni tal-ferrovija diretta.
Sies kompla jgħid kif il-vjaġġ lejn Cagliari huwa wkoll wieħed tajjeb għaliex mistenni jagħti l-opportunita lin-nies ta’ Sardinja sabiex jiskopru l-Gżejjer Maltin u viċi versa.
Iċ-Ċermen tal-Air Malta, Dr Charles Mangion, ħabbar li se jkun qed jikri l-għaxar ajruplani tal-Air Malta għall-istaġun tas-sajf li ġej sabiex tiġi operata din l-iskeda l-ġdida.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi faħħar lill-Air Malta filwaqt li fakkar fl-importanza li jibqgħu jinstabu opportunitajiet ġodda f’reġjuni u swieq ġodda sabiex tkompli tikber in-netwerk tal-Air Malta.