​L-Airmalta se tiffranka €8.2 miljun mill-kirjiet tal-ajruplani

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li meta l-Airmalta ittemm il-kirja ta’ żewġ ajruplani lil kumpaniji barranin fl-2016, se tkun iffrankat €8.2 miljun.
Fil-Parlament illejla, il-Ministru Zammit Lewis semma kif bħalissa l-Airmalta qed tikri tnax-il ajruplan, li minnhom għaxra huma fl-operat tagħha u tnejn oħra mikrija għand kumpaniji tal-ajru oħra.
Spjega li minkejja li dawn iż-żewg ajruplani qed jinkrew, fuq kull kirja ta’ ajruplan l-Airmalta qed titlef nofs miljun ewro fis-sena. 
Kompla jgħid li s-sub-lease ta’ dawn iż-żewġ ajruplani mhux se jiġġedded.
Il-Ministru Zammit Lewis qal li l-pjan huwa li s-sena d-dieħla, l-Airmalta tnaqqas il-flotta tagħha minn tnax għal tmien ajruplani.
Ftit jiem ilu, fil-programm Ma Bundy fuq RTK, il-Ministru qal li bl-introduzzjoni tal-bezzun abbord it-titjiriet, ġew iffrankat €4 miljun fis-sena.