L-AC jerġa’ jinxtegħel fuq tal-linja

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Malta Public Transport ħabbret li b’effett immedjat l-air conditioner se jerġa’ jinxtgħel b’effett immedjat wara istruzzjonijiet mill-awtoritajiet. Fl-istess waqt il-kumpanija qalet li l-passiġġiera għandhom jibqgħu jilbsu l-maskra tul il-vjaġġ kollu fuq tal-linja.

Il-kumpanija qalet fi stqarrija li ħadet għadd ta’ miżuri biex tiżgura l-prekawzjonijiet kollha fuq tal-linja, fosthom il-bdil tal-filtri tas-sistema tal-arja fuq il-vetturi kollha, billi ġew installati filtri b’aktar effiċjenza. Dawn il-filtri qed jibqgħu jiġu mnaddfa regolarment.

Minnbarra dan, il-kanali tal-arja fuq il-karozzi tal-linja kollha qed jiġu ffumigati b’mod speċjali fi tmiem il-ġurnata.

Ix-xufiera kienu se jistrajkjaw

Ix-xufiera tal-linja kienu se jistrajkjaw minħabba li l-airconditioner kien qed ikun mitfi u kawża ta’ dan it-temperatura abbord kienet qed tkun ferm ogħla minn 30 °C.

Filfatt, il-UĦM Voice of the Workers kienet qalet lix-xufiera tal-linja membri tagħha li jistgħu jirrifjutaw jużaw xarabank jekk it-temperatura fiha tkun aktar minn 30 °C.

Kif qed tiġi ffiltrata l-arja abbord?

L-arja li tkun qed tiċċirkola fuq il-vetturi qed tinbidel wkoll mill-inqas tmien darbiet kull siegħa waqt il-vjaġġi regolari. Filtri apposta qed jippurifikaw l-arja fil-karozza tal-linja waqt li sistema esterna tissupplixxi arja friska kontinwament. It-twieqi u l-bibien qed jinżammu magħluqa tul il-vjaġġi biex is-sistemi tal-arja kundizzjonata jkunu jistgħu jiffunzjonaw kif suppost.