L-Air Malta u l-Unjin tal-Cabin Crew jilħqu ftehim

Intlaħaq ftehim bejn l-Air Malta u l-Unjin tal-Cabin Crew sabiex ma jerġax jiġri dak li ġara lbieraħ, hekk kif titjiriet bdew jitilqu tard minħabba azzjoni industrijali.
Titjiriet lejn Orly f’Pariġi u Berlin fil-Ġermanja bdew jitilqu anki nofs siegħa tard, minħabba li l-unjin talbet lill-membri tagħha sabiex jitilgħu fuq l-ajruplan biss xħin dan ikun se jitlaq.
Din l-azzjoni daħlet fis-seħħ għall-ħabta tat-3pm.
B’konsegwenza ta’ hekk, xħin f’żewġ titjiriet partikulari ma nstabux persuni li jieħdu ħsieb l-operat waqt it-titjira, dawk li jissejħu inflight managers, u ppruvaw isibu lil ħaddieħor biex joħdilhom posthom, dawn ma nstabux għax tal-cabin crew kienu bl-azzjoni industrijali.
Skont il-kuntratt, tal-cabin crew għandhom ikunu l-ajruport siegħa qabel jitlaq l-ajruplan, u jitilgħu fih 50 minuta qabel itir.
Sadanittant, issa reġa’ ġie kollox għan-normal wara laqgħa bejn il-partijiet konċernati. L-Air Malta qalet li kien hemm nuqqas ta’ ftehim dwar prattiċi ta’ waqt il-ħidma, u l-ftehim milħuq se jiżgura li dawn l-affarijiet a jerġgħux jiġru.