L-Air Malta twaqqaf it-titjiriet kollha lejn il-Marokk

L-Air Malta ħabbret li se tkun qed twaqqaf it-titjiriet kollha tagħha lejn il-Marokk. Dan qalitu permezz ta’ avviż fuq il-websajt tagħha.

Din id-deċiżjoni kellha tittieħed bilfors wara li l-gvern tal-Marokk għalaq il-fruntieri minn diversi pajjiżi sabiex iwaqqaf milli jinfirex il-coronavirus fil-pajjiż tiegħu.

It-titjiriet kollha li kienu skedati mil-lum ‘il quddiem minn Malta għal Casablanca u lura qed jiġu mħassra. Dan sakemm toħroġ notifika oħra li t-titjiriet jistgħu jerġgħu jibdew joperaw b’mod normali. Intant, it-titjira li kienet skedata lejn Casablanca ilbieraħ telqet nofsiegħa qabel sabiex jiġi evitat l-għeluq tal-ajruport.

Intant, il-linja tal-ajru fakkret lill-passiġġieri kollha li jaslu Malta minn kull pajjiż fid-dinja sabiex jiftakru li jridu mill-ewwel imorru fi kwarantina mandatorja. Dan wara direttiva li ħareġ il-Gvern. Jekk wieħed jinqabad jikser din il-kwarantina mandatorja, se jiġi sfurzat iħallas multa ta’ €3,000 għal kull jum li jkun kiser id-direttiva. Il-prezz ta’ din il-multa, sal-bieraħ waranofsinhar kien dak ta’ €1,000.

Air Malta suspends flights to MoroccoFollowing the announcement by the Moroccan government to close its borders from…

Posted by Air Malta on Monday, March 16, 2020

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn