​L-Air Malta tniedi servizzi skedati lejn Djerba

L-Air Malta se tintroduċi servizzi skedati lejn l-ajruport ta’ Djerba fit-Tuneżija minn għada l-Ħamis.
Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li ttieħdet din id-deċiżjoni minħabba żieda fid-domanda mill-passiġġieri minn dan l-ajruport minħabba s-sitwazzjoni fil-Libja.
It-titjiriet tal-Air Malta ser jiġu operati darbtejn fil-ġimgħa kull nhar ta' Ħamis u Ħadd sat-23 ta' Ottubru 2014.
Il-Ħamis, it-titjira tħalli Malta fit-tlieta neqsin ħamsa ta’ wara nofsinhar, u tħalli Djerba fl-erba’ neqsin ħamsa.
Il-Ħadd, it-titjira tħalli Malta fl-erba’ neqsin ħamsa ta’ wara nofsinhar, u tħalli Djerba fil-ħamsa neqsin ħamsa ta’ wara nofsinhar.
Aktar informazzjoni inkluż l-iskeda tat-titjiriet hija disponibbli fuq is-sit tal-Air Malta jew billi wieħed iċempel fuq 21 66 22 11.